Thursday, November 7, 2024

VOT TA’ SIMPATIJA LI SFUMA FIX-XEJN IL-ĦOLMA TAL-ĦADDIEM TAL-KOSTRUZZJONI

Aqra wkoll

Tmenin jum mill-ewwel attakki tal-invażjoni fl-Ukrajna. Gwerra li bdiet bl-invażjoni minn truppi Russi fl-Ukrajna. Invażjoni li nbdiet minn diversi partijiet. Fl-ewwel jiem ta’ din l-invażjoni kollox kien jindika li n-naħa Russa kienet qed tistenna li tmur ħafna aħjar milli marret sa issa. Ir-reżistenza li qed jiffaċċjaw it-truppi Russi ma kinitx mistennija lanqas mir-Russi stess.

Mill-kliem għall-fatti, dawk li setgħu instigaw biex tibda din l-invażjoni, meta bdew l-attakki għażlu li jibqgħu jikkontribwixxu biss bid-diskors u dawk li saħansitra għażlu li jżommu pożizzjoni newtrali bejn iż-żewġ pajjiżi spiċċaw taw kontribut umanitarju akbar.

Pajjiżna kien minn ta’ quddiem, li bil-limitazzjonijiet tiegħu, bagħat konsenji ta’ għajnuna umanitarja lil dawk li spiċċaw f’nofs gwerra minħabba l-irjus iebsa tal-kapijiet. Barra minn hekk, pajjiżna offra wkoll li jospita Ukreni, kif ukoll joffri trattament lil tfal bil-marda tal-kanċer biex jibqgħu għaddejjin bil-ġlieda tagħhom f’pajjiżna.

Nemmnu pero f’distinzjoni bejn is-solidarjetà u s-simpatija. Filwaqt li nemmnu li l-għajnuna għandha tibqa’ tingħata b’turija ta’ mħabba lejn ċittadini li qed isofru intortament, dan ma kellux jiddetermina l-eżitu tat-trofew fil-Eurovision.

Ma ridtx tkun xagħra f’ras l-artist bravissimu tal-Ingilterra waqt li kien qiegħed jistenna fuq ix-xwiek il-punti tal-pubbliku. Għalkemm bosta kienu dawk li rreaġixxew b’furur għall-fatt li l-Ukrajna spiċċat irċeviet daqstant punti mill-pubbliku, x’aktarx l-Ingliż kien ixxukkjat. Minn sempliċi ħaddiem f’sit tal-kostruzzjoni jiġbed filmati fuq TikTok bis-serqa waqt ħidmietu, għal fuq il-palk bi prestazzjoni brillanti. It-trofew bħal donnu kien f’idejh u sparixxa. Nemmnu li dak il-mument kien ta’ detriment għal dawk li sena wara l-oħra jibqgħu jittamaw fil-parteċipazzjoni ta’ dan il-festival. Kien il-mument li d-djar tal-imħatri kienu ilhom ibassru numru ta’ ġimgħat.

Korrispondent ta’ BBC f’kitba dwar l-andament tal-festival ftit sigħat qabel is-serata finali qal li diversi studji, anke dawk riċenti juru li l-votazzjoni politika rari taffettwa lir-rebbieħ ġenerali. Skont dan l-istudju sabiex tikseb biżżejjed punti, għandek bżonn firxa wiesgħa ta’ appoġġ li huwa impossibbli li tinkiseb billi tkun favorit biss. Skont l-istess studju, il-voti politiċi żgur jaffettwaw ir-riżultati ta’ nofs il-klassifika, madankollu, il-pożizzjonijiet tal-aħħar postijiet huma riservati għall-agħar kanzunetti.

Minkejja li r-riżultat ta’ pajjiżna kien wieħed diżappuntanti minħabba l-fatt li l-kantanta Emma Muscat ma rnexxilhiex tagħmilha għall-finali, b’danakollu ħafna aċċettaw bħala pożittiva l-prestazzjoni li tat ir-rappreżentanta Maltija fis-semifinali tal-Ħamis li għadda. 

Nemmnu fil-kapaċitajiet tal-artisti tagħna lil din mill-ewforija ta’ dan il-festival tant segwit madwar id-dinja. Għandna nkunu aħna li nfakkru l-ħsieb ta’ missirijietna li qamu kontra pajjiżi akbar minna li pruvaw inessuna l-importanza tal-lingwa Maltija. Minbarra l-possibbiltà li nibagħtu kanzunetta bil-lingwa tagħna tirrapreżentana f’dawn il-festivals, l-awtoritajiet Maltin għandhom ikomplu jżidu l-opportunitajiet lill-artisti tagħna biex fuq livell nazzjonali nkomplu nikxfu aktar talenti li għal xi raġuni qegħdin jibqgħu moħbijin ikantaw quddiem il-mera. Festivals bħal MużikaMużika għandhom jgħinu biex dan iseħħ u fl-istess waqt ir-rispons tal-pubbliku għal dan il-festival kien konferma ta’ kemm huwa għatxan biex isegwi aktar lirika bil-ligwa li jitħaddet biha kullimkien.

Sport