Monday, May 13, 2024

“Vuċi Soda” – Il-Prim Ministru dwar Marija Sara Vella Gafà

Aqra wkoll

“Kull meta l-Partit ħabbtilha l-bieb biex tgħinu, Marija Sara dejjem wieġbet ‘iva’ mill-ewwel. Tat il-kontribut tagħha f’kull irwol li l-Partit talabha biex tikkontribwixxi.”

B’dan il-kliem, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva lil Marija Sara Vella Gafà, kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-Prim Ministru tkellem waqt attività nhar il-Ġimgħa, li għaliha kien hemm attendenza sabiħa u b’saħħitha, bħala wirja ta’ appoġġ lejn il-kandidata żagħżugħa.

Avukata, sindku, u parti mill-eżekuttiv tal-Partit Laburista, Marija Sara qed tagħmel dan il-pass b’determinazzjoni li tkun il-vuċi tal-poplu Malti u Għawdxi fil-fora Ewropej. Il-Prim Ministru ddeskriva l-vjaġġ li pprepara lil Marija Sara.

“Wara ħames snin sindku tal-Gudja, wara esperjenza vasta fil-professjoni legali, Marija Sara hija f’qagħda li tippreżenta lilha nfisha bħala kandidata tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.”

Marija Sara Vella Gafà spjegat l-għan tagħha li taħdem fuq leġiżlazzjoni Ewropea favur is-saħħa mentali. B’mod partikolari, semmiet il-bżonn ta’ aktar fondi allokati f’dan il-qasam. Semmiet ukoll il-bżonn li persuni bl-awtiżmu jkollhom aktar postijiet fejn jistgħu jaħdmu, aktar skejjel, u aktar kampanji ta’ edukazzjoni mmirati biex in-nies jifhmuhom.

Kunċett ieħor li tkellmet dwaru huwa l-one-size-fits-all, fejn pajjiżna jeħtieġ membri ewro-parlamentari li jiżguraw li l-liġijiet Ewropej ma jkunux ta’ detriment għal pajjiżna.

Il-Prim Ministru kkonferma l-abbiltà ta’ Marija Sara biex tagħmel dan kollu.

“Minkejja l-karattru ġentili tagħha, nara persuna b’vuċi soda, b’fehma soda, li dejjem titkellem fl-interess mhux tagħha imma tal-partit tagħha, u persuna li għandha konvinzjoni soda tal-valuri li jħaddan il-Partit Laburista.”

Marija Sara Vella Gafà esprimiet ħajr lejn dawk preżenti, fosthom il-pilastru tal-Partit Joe Debono Grech, il-Ministri Miriam Dalli u Stefan Zrinzo Azzopardi, u s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, li tkellmu dwarha waqt l-attività. Twassal ukoll messaġġ irrekordjat mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.

“Fit-tellieqa li ninsab fiha, dik tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, inħossni diġà rebbieħa, għax nagħmel parti minn Partit li għandu l-prinċipji tiegħu f’posthom,” ikkonkludiet Marija Sara Vella Gafà.

Sport