Thursday, May 9, 2024

“Tal-blieh … Tarbija mietet fgata fil-fjuwil ġol-ġuf u hawn min jgħidlek ħlisna minnhom”

Wieħed mill-immigranti salvati lbieraħ għadu jissielet għal ħajtu fl-ITU

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wieħed mill-immigranti salvati lbieraħ waqt operazzjoni delikata kkordinata mill-Korpi Dixxiplinati ta’ Malta għadu jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura intensiva fl-Isptar Mater Dei.

Skont informazzjoni li kiseb dan is-sit, ir-raġel tal-unika mara li kienet abbord id-dgħajsa u li sfortunatament tilfet ħajjitha, huwa fost il-persuni li ddaħħlu l-Isptar. Ninsabu infurmati wkoll li huwa kellu jingħata attenzjoni speċjali minħabba trawma minħabba li kien konxju ta’ dak li kien għadu kemm ġara lil martu u t-tarbija tagħhom fil-ġuf.

Barra minn hekk minn fost dawk li spiċċaw fil-baħar kien hemm numru ta’ immigranti li belgħu l-ilma bil-fjuwil tal-istess dgħajsa u għalhekk kellhom jittieħdu għal aktar osservazzjoni medika fl-Isptar.

Intant ir-reazzjonijiet li segwew għall-aħbar fuq il-midja soċjali kienu varji. L-Editur ta’ It-TORĊA Victor Vella f’kitba fuq il-profil tiegħu qal li l-mibegħda quddiem traġedja bħal din tikkonferma x’mistħija ta’ attitudni teżisti f’pajjiżna. Sostna li r-razzizmu u l-isterjotipi jinsabu f’livelli li qatt ma rajna bħalhom u min suppost jitkellem jibqa’ sieket. Huwa hemeż ukoll post li tgħid “ħlisna minn ħamsa”.

Minkejja rabja kbira minn xi wħud li lmentaw li dawk li ddaħħlu l-isptar kienu se jkunu qegħdin jieħdu post Maltin li kien ilhom sigħat jistennew sigħat fid-Dipartiment tal-Emerġenza, oħrajn irraġunaw mod ieħor.

“Nistħi ngħid li jien Malti f’pajjiż li jiftaħar bil-valuri tal-ġenerożità. Tafu li fost il-vittmi kien hemm FAMILJA … missier u omm li tilfet ħajjitha hi u ġġorr tarbija? X’qal hi din tagħkom??!”, kitbet tgħid waħda mill-persuni li rreaġixxiet b’rabja għal kummenti razzjali. Ommijiet oħrajn komplew magħha u qalu li trid tkun ġarrejt tarbija fil-ġuf biex tifhem farka minn dak li għaddiet minnu dik l-omm fost il-ħames vittmi mgħarrqin.

Aktar dwar x’ġara lbieraħ…

Id-dgħajsa li kienu fuqha kienet tinsab mat-tliet mili u nofs ‘il barra minn xtutna. Kif ġiet ikkonfermata l-pożizzjoni tad-dgħajsa, mill-ewwel intbagħat lanċa tal-Forzi Armati ta’ Malta biex tingħata l-ewwel assistenza.

Sadanittant, id-dgħajsa kompliet tersaq aktar viċin ta’ xtutna u kif beda s-salvataġġ, id-dgħajsa nqalbet. Kien għalhekk li l-Armata bagħtet aktar għajnuna fiż-żona biex jiġu salvati l-immigranti li dak il-ħin kienu fil-baħar.

B’rabta ma’ dan il-każ, infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.

Sport