Friday, November 22, 2024

Wara l-festa ta’ Santo Niño

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd li għadda l-komunità Filippina f’Malta ċċelebrat f’Wied il-Għajn il-festa ta’ Santo Niño, it-twelid ta’ Ġesu Bambin. Il-Filippini jiċċelebraw dan il-jum fit-tielet Ħadd ta’ Jannar. Iċċelebrawh skont il-kultura tagħhom. Tradizzjonijiet tagħhom. Bil-mod tagħhom. Imma ċċelebrawh kif iċċelebrawh ma kisru ebda liġi u fejn kien hemm il-ħtieġa li jintalbu permessi mill-awtoritajiet konċernati talbuhom u ngħatawlhom. Kif inhu sewwa u xieraq.

Malli ħarġu l-ewwel rapporti ta’ dan l-avveniment il-midja soċjali ġiet litteralment bumbardata. Kien hemm kummenti ta’ kull xorta. Kummenti ta’ apprezzament kif ukoll kummenti dispreġjattivi fil-konfront tal-komunità Filippina. Kummenti li jwassluk biex taħseb li dawn flok kienu qegħdin jiċċelebraw it-twelid ta’ Kristu kienu qegħdin isalbuh.

U min jgħid li dawn se jiddominaw lill-pajjiż, u min jilmenta għax ingħalqet triq biex setgħu jiċċelebraw u kliem ta’ mibegħda u razziżmu sfrenat. Saħansitra attakki fuq Maltin li ħassewhom li għandhom iwieġbu għall-mod kif kienet qegħda tiġi trattata l-komunità Filippina.

Attitudni li tegħfetni lura fis-snin lejn meta kont Editur tal-ġurnal L-ORIZZONT. Dak iż-żmien fost il-korrispondenti li kelli kien hemm Lawrence Dimech, Malti emigrat fl-Awstralja, magħruf ħafna fost il-midja Maltija. Fost ir-rapporti li kien jgħaddili minn Sydney kien ikun hemm diversi, mhux wieħed jew tnejn, dwar il-festi tradizzjonali Maltin fl-ibliet u l-irħula tagħna, li emigranti Maltin bħalu ħadu magħhom lejn l-Awstralja. Rapporti dwar kif il-komunità Maltija tiċċelebra l-istess festi hemmhekk, forsi mhux bl-istess kobor, imma mhux nieqsa mill-elementi ewlenin bħalma huma l-purċissjonijiet bl-istatwi u saħansitra baned jallegraw b’marċi Maltin.

Konna, u għandna għalfejn, nifirħu u niftaħru li dawn ħutna kienu qegħdin iżommu ħajjin tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin anke fuq livelli ta’ bliet u rħula. Ħamruniżi jiċċelebraw il-festa ta’ San Gejtanu, Żebbuġin jiċċelebraw il-festa ta’ San Filep, Karkariżi jiċċelebraw il-festa ta’ Sant’Elena u diversi oħrajn. Tiġi ċelebrata wkoll il-festa ta’ Marija Bambina, il-Vitorja. Attivitajiet li kienu u nemmen li għadhom iservu biex mhux biss tinżamm ħajja tradizzjoni u kultura Maltija u Għawdxija imma wkoll biex l-istess komunitajiet jiltaqgħu f’ambjent ta’ festa kif isir f’Malta u Għawdex.

Ma jidhirlix li qatt kelli rapporti li kien hemm x’insulti jew kummenti dispreġjattivi fil-konfront tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Anzi.

Apparti minn hekk nixtieq inkun naf xi tkun ir-reazzjoni ta’ wħud minn dawk li ilmentaw kontra l-komunità Filippina kieku kellhom jinzertaw rikoverati f’xi sptar, anke sptarijiet privati, u jsibu li l-infermier/a li jkunu se jieħdu ħsiebhom ikun jew tkun Filippin/a? X’jagħmel, jirrifjuta li jingħata l-kura? L-istess mistoqsija nagħmilha fir-rigward ta’ carers Filippini fid-djar tal-anzjani. Jekk ikollok lil missierek jew ommok residenti hemm x’tagħmel? Tgħid li lil dawn ma tridhomx jieħdu ħsieb missierek jew ommok?

Nhar it-Tnejn li għadda waqt li kont qed insuq fi Triq Sir Ugo Mifsud, Ħal Lija, ħadt puncture. Provajt nibdel ir-rota imma l-iskorfini kienu iebsin daqs il-ħadid. Qtajt qalbi. Iddeċidejt li inċempel lill-kumpanija li permezz tal-polza tal-assigurazzjoni jassistuk f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Sadattant waqaf anzjan jitkellem miegħi u qalli li jixtieq li jgħin imma ovvjament ma jiflaħx. Għaddew aktar karozzi, fosthom trakk żgħir b’żewġ ħaddiema tal-kostruzzjoni, Maltin. Ħadd ma waqaf joffri l-għajnuna.

F’daqqa waħda kien għaddej wieħed b’mutur tal-kumpanija Wolt, kien sejjer iwassal pakkett. Waqaf u b’ġentilezza staqsieni: May I help Sir? Għidtlu li kont qed nistenna lil tal-kumpanija, imma xorta prova jħoll l-iskorfini tar-rota, iżda lanqas hu ma rnexxielu. Irringrazzjajtu, qalli Sorry Sir u kompla għal triqtu. Forsi għaddew ħames minuti u reġa’ ġie lura. May I try again Sir? U miskin reġa’ ipprova, imma għalxejn. Fetaħ idejh, u b’ħarsa li kienet turi li kien qed jiddispjaċih li ma rnexxielux, rikeb il-mutur. Imma qabel telaq staqsejtu: Where do you come from young gentleman? I’m from India Sir.

L-anzjan u jien ħarisna lejn xulxin. Fhimna lil xulxin. Kull kelma oħra tkun żejda, imma l-anzjan jista’ jixhed dan kollu.

Sadattant inwiegħed lili nnifsi li jekk il-Bambin jislifni l-għomor sena oħra nattendi għall-festa ta’ Santo Niño.

[email protected]

Servizz eċċellenti

Aktar kmieni dan ix-xahar iddeċidejna li ninstallaw fid-dar tagħna apparat li jippurifika l-ilma u li għalih tingħata sussidju. Fil-15 tax-xahar mort l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali u hemmhekk tingħata l-għajnuna biex tapplika għas-sussidju. Jimlewlek l-applikazzjoni huma. Minnufih fuq il-mobajl daħalli messaġġ li l-każ tiegħi kien infetaħ.

L-għada daħalli messaġġ ieħor li bih ġejt infurmat li l-applikazzjoni kienet qegħda tinħadem. It-Tnejn li għadda, 22 tax-xahar, messaġġ ieħor infurmani li l-każ kien ingħalaq, imma sadattant fis-17 tax-xahar fil-kont bankarju tiegħi indikat minni fl-applikazzjoni kien diġà daħal is-sussidju dovut.

Servizz eċċellenti aktar minn hekk għad irrid nara. Qed inwassallek dan it-tagħrif għax mhux l-ewwel darba li minn din il-paġna ilmentajt dwar ħaġa jew oħra, u allura huwa dover tiegħi li xi ħaġa tajba iwassalha wkoll.

Sport