Il-verdett tal-ġurati fil-każ ta’ Yorgen Fenech, ta’ tmien voti favur u wieħed kontra li wassal biex ma jinstabx ħati ta’ żewġ Kapi t’Akkuża – dawk ta’ kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u assoċjazzjoni kriminali – ħasad lil bosta nies u qanqal ukoll reazzjoni qawwija fil-pajjiż u kif ukoll ġie rappurtat fil-midja internazzjonali.
Dan il-ġuri, li dam għaddej xahrejn sħaħ, huwa wieħed li se jibqa’ mfakkar fl-istorja tal-ġurijiet f’Malta għaż-żmien li ħa biex intemm. F’awla ppakkjata sa minn qabel ma nqara l-verdett, tard l-Erbgħa filgħaxija, l-istennija biex ikun magħruf dak li ddecidew il-ġurati kienet waħda kbira. Tant li l-ġurati ħarġu bil-verdett wara tmien sigħat sħaħ ta’ deliberazzjoni.
L-Imħallef Edwina Grima, li ppresediet fuq il-ġuri, staqsiet lill-Prim Ġurat jekk kinux waslu għall-verdett fuq l-Ewwel u t-Tieni Kap t’Akkuża. Il-Prim Ġurat wieġbet “Iva wasalna” u sussegwentement inqara l-verdett.
Il-verdett ta’ 8 kontra 1 li ħeles lil Yorgen Fenech mill-akkużi ta’ ħtija fiż-żewġ Kapi miġjuba kontrih, intlaqa’ b’ewforija mill-familjara u qraba tal-akkużat u mill-Avukati Difensuri. Iżda kien evidenti id-diżappunt kbir fuq wiċċ il-familjari tal-vittma.
Fuq barra tal-Qorti l-atmosfera kienet waħda mqanqla wkoll, b’mod partikolari waqt li Yorgen Fenech kien ħiereġ mill-bini tal-qorti, fejn uħud minn dawk preżenti bdew jgħaddu kliem dispreġġjattiv fil-konfront tiegħu.
Dan il-ġuri, partikolarment il-verdett tant mistenni okkupa spazji f’diversi siti tal-midja barranin fosthom il-BBC, il-ġurnal The Guardian, u aġenziji tal-aħbarijiet fosthom Reuters u Al Jazeera li rrapportaw bi prominenza dak li seħħ wara li ngħata l-verdett.


