Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja fetaħ konsultazzjoni pubblika ta’ sitt ġimgħat dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Kapaċità Finanzjarja 2026-2031. Dan bil-għan li jkun hemm strateġija fit-tul, mgħammra b’għodod u opportunitajiet, sabiex iktar persuni jkunu f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati.
Din l-istrateġija tistabbilixxi direzzjoni ċara għall-ħidma fis-snin li ġejjin, issaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-partijiet involuti u tippromwovi approċċ imsejjes fuq l-evidenza, ir-riċerka u l-kollaborazzjoni.
Il-kapaċità finanzjarja ma tinvolvix biss kif jintefqu l-flus, iżda tgħin ukoll individwi jagħmlu għażliet infurmati u bil-għaqal, jippjanaw għall-futur, jevitaw riskji bla bżonn u jkollhom aktar kontroll fuq ħajjithom.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon li matulha għamel emfasi għall-importanza t’għaqal fejn tidhol sostenibbiltà, ppjanar u mmaniġġjar tal-finanzi. “Qed inkomplu nsaħħu l-istrutturi kollha sabiex nipprovdu informazzjoni, għodod u ħiliet għal persuni li jixtiequ iktar għajnuna dwar is-suġġett. Irridu nkunu reżiljenti u nħejju qafas li jgħin lil uliedna u l-ġenerazzjonijiet futuri sabiex jifhmu l-importanza ta’ ppjanar fit-tul fejn jidħol finanzjament,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-Grupp għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet, Mark Musu esprima s-sodisfazzjon għall-mod illi l-Gvern laqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp, sabiex joħloq il-ħolqien ta’ servizz ta’ pariri dwar id-dejn (Debt Advice) – Flusi Malta. Dan is-servizz ser ikun qed joffri appoġġ professjonali lil individwi u familji li jeħtieġu gwida u assistenza marbuta mad-dejn, li jinkludu wkoll ħlasijiet pendenti ta’ kontijiet.
“Biex servizz bħal dan ikun sostenibbli, irid ikun imsejjes fuq professjonisti kompetenti u kwalifikati. Għalhekk, b’kollaborazzjoni mal-MCAST, ġie żviluppat programm akkreditat li pprovda taħriġ speċjalizzat lill-professjonisti li se jkunu fuq quddiem nett fit-twassil tas-servizz. Illum għandna l-pjaċir nirrikonoxxu lill-ewwel grupp ta’ konsulenti kwalifikati dwar id-dejn”, stqarr is-Segretarju Permanenti Mark Musu.
Dawn l-inizjattivi nibtu minn ĠEMMA, il-pjattaforma ta’ finanzjament b’għaqal fi ħdan il-Ministeru Soċjali, flimkien mal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-MCAST u l-European Consumer Debt Network li kien ta’ valur kbir fit-tfassil tas-servizzi mnedija.
Għal aktar dettalji dwar il-konsultazzjoni pubblika wieħed jista’ jżur: https://www.gov.mt/mt/


