Wednesday, April 24, 2024

Wara prova ma’ Chiasso ….“Importanti li meta int ikollok ħolma, trid taħdem għaliha” – Jean Claude Bugeja

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Jean Claude Bugeja għandu 18-il sena ilu għal dawn l-aħħar snin jilgħab ma’ Sliema Wanderers FC. Fil-fatt hu prodott tal-akkademja tal-club wara li libes il-flokk blu matul tfulitu. Fl-istess waqt hu lagħab mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-16 u s-17-il sena.

Bugeja għandu talent kbir fil-football u bħala difensur hu magħruf li kapaċi jxejjen diversi attakki tal-avversarji. F’dawn l-aħħar jiem, hu kien l-Isvizzera ma’ FC Chiasso fejn kien għaddej bi prova ma’ dan it-team. Din ma kinitx l-ewwel darba li Bugeja mar għal xi jiem fl-Isvizzera hekk kif anke f’Settembru li għadda kellu xi mumenti jitħarreġ fi Stadio Comunale ta’ Chiasso.

Aktar kmieni matul din is-sena, eżattament f’Jannar li għadda, kien hemm ftehim sħiħ bejn il-partijiet kollha konċernati sabiex l-istess Jean Claude Bugeja jsir plejer ta’ dan it-tim. Hu kien saħansitra offrut kuntratt professjonali ta’ ħames snin u li daħal fis-seħħ fl-ewwel ġurnata ta’ Lulju. Hu sar ukoll l-ewwel plejer Malti li kiseb kuntratt estensiv minn klabb barra l-pajjiż. 

Bugeja se jkun fl-iskwadra tat-tim mill-Isvizzera matul dan ix-xahar meta t-tim se jkun qed jipprepara l-pre-season tiegħu. Id-difensur ta’ 18-il sena se jkun qed jingħaqad ma’ Sasha Cachia li għandu 19-il sena u li wkoll ġie akkwistat minn Chiasso.

Talk.mt ikkuntattja lil Jean Claude Cachia dwar dan it-trasferiment tant prestiġġjuż għalih.

Staqsejna lil Bugeja dwar kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn il-football.

“Tista’ tgħid li l-familja tiegħi kollha kemm hi ffissata fuq il-football. Kelli lil missieri u liz-ziju li kienu jilagħbu u jien dejjem kont indur minn ground għall-ieħor. Għalhekk tista’ tgħid li kienet xi ħaġa naturali li naqbad dan l-isport tant sabiħ.”

Bugeja kellu kliem ta’ tifħir għal Sliema Wanderers FC li tant kienu determinanti sabiex hu wettaq il-ħolma li dejjem xtaq, dik li jilgħab barra minn Malta.

“Sliema Wanderers FC indukrawni u ħarrġuni bl-aqwa mod possibbli u nista’ ngħid li dak li jien illum, nafu għal dan it-tim tant glorjuż. Lgħabt fil-kategoriji kollha ma’ dan it-tim fejn żviluppajt bl-aħjar mod il-ħiliet tiegħi fil-football. Kelli wkoll iċ-ċans nilgħab mat-team nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena u anke ta’ taħt is-17-il sena. Il-coaches urew fiduċja fija u jien għamilt li stajt sabiex tajthom lura kemm investew fija.”

Saqsejna lil Jean Claude Bugeja sabiex jiddeskrivilna l-ambjent fl-Iżvizzera partikolarment fi ħdan Chiasso FC, team li ġeografikament jinsab fi fruntiera mal-Italja.

“Il-kowċis ta’ dan it-team huma ferm paċenzjużi u mal-ewwel urew fiduċja fija. Rawni fis-sessjonijiet ta’ taħriġ, tawni diversi pariri u fuq kollox motivazzjoni li nista’ nagħmel aħjar. Fl-aħħar mill-aħħar jien irsistejt mhux ħażin sabiex wasalt għall-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, kienet il-ħolma tiegħi li issa saret realta’.”

Iżda kif se jkun issa l-futur ta’ Jean Claude Bugeja?

“Ovvjament il-football se jkun il-protagonista tal-futur tiegħi. Jien naf li rrid nirsisti iktar għax taf kemm taf qatt m’hu biżżejjed. Se nkun qed nirsisti għal posti għax hawnhekk il-kompetizzjoni hi kbira u jien stess irrid inżomm ir-rwol tiegħi fl-iskwadra ta’ Chiasso FC.”

Finalment tlabna lil Bugeja sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fil-football.

“Importanti li meta int ikollok ħolma, trid taħdem għaliha. Meta taħdem għaliha, trid tirsisti u qatt ma tgħid li taf biżżejjed. Tajjeb li żżomm saqajk mal-art u żżomm ftit il-paċenzja. Pass pass ix-xewqa tiegħek kapaċi ssir realtá.”

Sport