Saturday, December 21, 2024

WARA R-REBĦA

Aqra wkoll

Nemmen li fl-elezzjoni li riesqa l-Partit Laburista għandu ċansijiet tajba ferm li jirbaħ u jixraqlu jagħmel hekk, minkejja li jġorr il-piż ta’ numru ta’ żbalji u difetti fit-tmexxija tal-pajjiż mill-2013 lil hawn. 

Li jinteressani hu x’se jiġri wara dir-rebħa. L-aqwa konsegwenza tkun dik li fuq il-bażi tar-rebħa tiegħu, gvern Laburista ġdid iwettaq bidliet sodi fit-tmexxija ekonomika u soċjali tal-pajjiż li jippromwovu x-xogħol produttiv u solidarjetà effettiva lejn dawk kollha li waqgħu lura matul is-snin. Fuq quddiem nett, dan ikun ifisser riformi maħsuba tajjeb u mwettqa bil-għaqal fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-ambjent, tal-enerġija, tal-infrastruttura u tal-iżvilupp ekonomiku.

Konsegwenza li lanqas biss irrid naħseb fuqha tkun il-konferma ta’ xi klikka ekonomika u soċjali fil-pajjiż, li bl-iskuża li qed tibdel b’elites ġodda lill-elites Nazzjonalisti li kellhom kull poter jagħmlu li jridu f’pajjiżna għal ġenerazzjonijiet sħaħ, fil-fatt isservi biex iġedded lil dawn l-poteri qodma li ġġammjaw lill-pajjiż matul deċennji.

L-AFGANI

Jidher li hemm żewġ tipi ta’ Afgani. Dawk moderni, li jgħixu fl-ibliet, li ħafna minnhom kienu tfal fl-2001 u saru adulti f’pajjiż li wara dik id-data ġie influwenzat mill-valuri tal-Amerikani li nvadewh.  U hemm l-Afgani li fil-maġġoranza jgħixu fil-muntanji u l-widien ta’ barra l-ibliet, fi tribujiet li jsostnu regoli riġidissimi ta’ imġiba reliġjuża u soċjali, bħala parti essenzjali mill-identità tagħhom.

Ma jidhirx li jeżisti xi mod kif iż-żewġ kampijiet jistgħu jiftehmu biex jgħixu flimkien fil-paċi, għalkemm it-tnejn huma parti integrali mill-istess pajjiż. It-tribali jibżgħu li l-oħrajn se jikkorrompulhom iċ-ċertezzi soċjo-kulturali li dejjem għexu bihom. Il-moderni imwerwra mill-vjolenza għamja li l-oħrajn lesti jwettqu biex skont huma, jħarsu l-veritajiet “sagri” li wirtu u li skonthom qed jgħixu.

SOSTENIBBLI?

F’dak li għaddejjin minnu bil-pandemija tal-Covid-19… Bil-perikli dejjem jiżdiedu mill-klima li qed tisħon wisq… Bil-komplikazzjonijiet li jinqalgħu dwar kif is-sistemi diġitali qed jitħaddmu mad-dinja, fir-rigward ngħidu aħna tad-drittijiet tal-privatezza, ta’ sigurtà ċibernetika, ta’ instabbiltà finanzjarja, ta’ abbużi kriminali ta’ frodi u reati oħra…

Niskanta.

Kif ma jqumux vuċijiet li jitkellmu dwar il-globalizzazzjoni biex jistaqsu kemm hi sostenibbli…? għax il-fatturi li semmejt, huma parti, mhux mhumiex tal-globablizzazzjoni…

Jekk qamu dawn l-ilħna, ma smajthomx. 

Jekk il-globalizzazzjoni mhijiex sostenibbli, jew hemm riskju li mhijiex, għandha tintqal dil-ħaġa? Nemmen li iva u li għandha tinżamm diskussjoni dwar hekk. 

Biss kieku kellna nsegwu dit-triq tqum problema jekk veru jinstab li mhijiex sostenibbli: Kif se titwaqqaf? Jew ikun biżżejjed li titnaqqas ir-rankatura tagħha? U fi kwalunkwe każ, min se jkun li jagħmel hekk? 

Ekonomija

Sport