Friday, April 25, 2025

Wara tliet snin wieqaf mill-futbol, kelli nidħol mill-irtirar … għall-bżonn tal-klabb nagħmel kollox – Ronnie Celeste

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għal-loghba tant sabiħa tal-futbol bdiet meta kelli biss tmien snin. Bdejna minn biċċa bandli ġewwa Birzebbugia qabel l-iskola, inkomplu nilagħbu l-iskola u qabel il-ħin tal-MUSEUM konna niltaqgħu l-ħbieb u minn hemm ‘il quddiem dejjem xtaqt li nilgħab l-logħba tal-futbol. Minn hemm kont dħalt fin-nursery ta’ Birzebbugia Windmills u minn hemm bqajt tiela’ mal-istess klabb u wara mal-klabb ta’ Birzebbugia St Peter’s. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Birzebbugia SP FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ dan il-klabb hija waħda kbira, sabiħa u b’xi naqra diżappunti wkoll, fejn minn Under 14 sa Under 18 konna rbaħna kampjonat u knock-out tista’ tgħid kull sena minn Sezzjoni D sa Sezzjoni B u qatt ma kellna ċans li nilagħbu f’Sezzjoni A sakemm spiċċajna mill-Under 18 u tlajna t- tarġa għal mat-tim tal-kbar fejn f’dan it-tim li kien sfaxxa, kien hemm nies dak iż-żmien li ma kinux jemmnu biżżejjed li l-istess tim kien kapaċi jilgħab u jilħaq l-għanijiet tal-klabb. Ġara li wara sena nbidel il-president fejn kien ħa l-kariga Joe Mangion magħruf bħala JJ u minn hemm kull tifel li kien għad baqa’ tal-klabb emmen fihom u flimkien ma’ sħabu ħadem biex ġab kowċ ta’ stoffa u rbaħna t-Tielet Diviżjoni bla telfa. Minn hemm ‘il quddiem tista’ tgħid li qatt ma ħarist lura u dejjem sibt min jemmen vera fija u bqajt nilgħab b’mod regolari mat-tim tal-kbar fejn kelli esperjenza li nilagħbu finali tat- Trophy tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni, ħadt promozzjoni mit-Tieni għall-Ewwel Diviżjoni fejn irbaħt ukoll l-unuri personali tiegħi mal-klabb ta’ Birzebbugia St Peter’s. 

X’kien dak li ġiegħlek tirritorna fl-azzjoni mill-irtirar wara tliet snin nieqes mill-futbol?

Wara tliet snin wieqaf mill-futbol, kelli nidħol mill-irtirar … għall-bżonn tal-klabb nagħmel kollox! Ir-ritorn tiegħi fl-azzjoni ma’ dan il-klabb kien bla ħsieb fejn kont qed nilgħab fil-kampjonat tal-MAFA ma’ tim li għaqqad il-president attwali ta’ Birzebbugia SP FC, Joseph Fenech, fejn l-iskop tiegħu kien dak li jiġbor plejers li konna kbirna u rbaħna l-unuri flimkien biex ikompli jgħaqqad lil Birzebbugia, li hu stess  kien wieħed mill-plejers li tlajna u rbaħna flimkien sa min meta konna tfal. Kont naf kemm kien ilu jaħdem bla waqfien biex iwettaq ħolma li kien ilu żmien jaħdem fuqha, fejn għalkemm kien għaddej minn problemi personali fil-familja xorta waħda baqa’ jaħdem bis-sħiħ u jlaħħaq ma’ kollox. Ma qatax qalbu u għalkemm ġew xi riżultati negattivi xammar il-kmien u baqa’ jaħdem bla waqfien. Kien hemm xi tibdil fl-istaff teknik. Kien hemm ukoll mhux wieħed imma ħames jew sitt plejers li weġġgħu fit-tul. Kien hemm logħba mill-kampjonat tal-MAFA li ġie jsegwi l-kowċ preżenti Edgar Degabriele fejn ġie jissapportja lill-istess president. Il-kowċ Edgar kien jafni wkoll għax kont ħdimt miegħu fi staġuni ta’ qabel fejn kont irbaħt kampjonat tat-Tieni Diviżjoni miegħu ukoll. Huwa ra li jekk ninżel  għat-taħriġ kuljum u bl-esperjenza tiegħi nista’ nagħti naqra lura lill-klabb li kbirt miegħu u ddeċidejt li kien imiss lili li nxammar il-kmiem u ngħin lill-klabb billi ninżel naħdem u nimla l-vojt ta’ plejers li minħabba injuries ma setgħux jispiċċaw l-istaġun u jsaħħaħ u jerġa’ jkabbar l-iskwadra.

X’taħseb li kien is-sigiriet wara l-kisba tal-promozzjoni għall-BOV Challenge League min-National Amateur League 1?

Is-sigriet wara din il-promozzjoni ma kienx wieħed, iżda kienu ħafna. Nibda billi nsemmi t-team dedikat kollu tal-kumitat fejn jaħdem bla waqfien … mill-president Joseph Fenech sal-inqas membru involut. Inżid ukoll lill-kowċis bravi mmens li jidħlu sal-inqas dettall tal-logħba u li jifhmu u joħorġu l-karattru ta’ kull plejer kif ukoll jagħtu l-importanza meħtieġa lil kull wieħed li hemm fl-iskwadra u jġiegħluna jħossuna importanti. Magħhom inżid l-istaff tekniku kollu li jqattgħu tista’ tgħid il-ħin kollu mal-plejers biex jassiguraw ruhom li kull plejer fl-iskwadra  jkun trattat daqs l-iktar plejer professjonali. L-aħħar u mhux l-inqas hija l-għaqda kbira li rnexxielhom idaħħlu dawn in-nies kollha hija kbira wisq għalkemm kont naf ħafna mill-plejers, kemm lgħabt magħhom jew kontrihom fil-passat kif ukoll plejers li rajt l-ewwel darba f’ħajti kollha laqgħuni bis-sħiħ u mal-ewwel ġurnata ħassejt li nista’ ngħid dħalt ġo familja oħra … stmawni daqslikieku jien l-iktar persuna importanti. B’hekk nemmen li jekk tgħaqqad kollox f’daqqa waslet din il-promozzjoni għall-BOV Challenge League.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Nemmen li l-livell tal-futbol Malti jista’ jitjieb ħafna aktar b’nies li jkunu vera jħobbu l-logħba tal-futbol, b’ aktar investiment u bi plejers mhux biss ta’ suċċess kif ukoll dawk li wara l-irtirar jagħmlu l-korsijiet neċessarji u jgħaddu dak kollu li jkunu tgħallmu lil tfal u żgħażagħ li jkunu għadom telgħin minn etá żgħira.

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fuq grawnds fejn jintlagħab logħob kompetittiv nemmen li għadna naqra lura. X’jiswa’ billi nagħmlu ċert li l-art hija tajba u qed jsir investiment fuq it-tapiti u ma jsirx il-proċess ta’ manutenzjoni u kif niġu għad- dawl mhux kull grawnd għandu dawl tajjeb anqas  jew inkella  tagħmel ix-xita u plejer ma jkollux misħun biex jinħasel jew partitarju m’għandux naqra tinda fejn jistkenn … kif riridu nresqquhom in-nies lejn il-grawnd?! Nemmen li hemm bżonn ta’ iktar investiment fejn jidħlu grawnds u nixtieq li kull meta jsir grawnd ġdid jew jigi rinnovat, għandu jkun hemm standard ta’ ċerti affarjiet li jkunu eleġibbli li jilqgħu logħob ta’ ċerti diviżjonijiet. B’hekk l-MFA tkun tista’ tifrex u taċċerta ruħha minn dawn in-nuqqasijiet.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futur tiegħi fil-futbol bħalissa huwa ma’ Birzebbugia SP FC. Ħa nagħmel dak kollu possibbli biex ngħin lil dan il-klabb ikompli jilħaq l-għanijiet tiegħu u wara forsi nibda l-proċess biex dak li tgħallimt u li qed niġi mgħallem bħalissa nipprova ngħaddih lil tfal jew żgħażagħ li jħobbu l-logħba tal-futbol.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ finali tiegħi huwa billi ngħid lil kull tifel u tifla li jħobbu l-logħba tal-futbol biex ma jaqtgħu qalbhom qatt u dejjem jemmnu fihom infusom u qatt ma jinsew minn fejn telqu. Is-suċċess mhux se jiġi waħdu imma trid taħdem għalih u timxi pass pass sakemm fl-aħħar tasal għal dak l-għan li tkun fassalt li tasal int stess!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport