Saturday, December 28, 2024

Wara xahar arrestat, DJ akkużat bi stupru jingħata l-ħelsien

Aqra wkoll

Il-każ ta’ DJ Kolumbjan li kien ġie akkużat bi stupru kompla fl-aħħar sigħat fejn hu ingħata l-libertà proviżorja.

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien tressaq il-Qorti nhar it-13 ta’ Ottubru, akkużat li ġiegħel mara li jkollha x’taqsam miegħu wara li ħadha fid-dar tiegħu f’Paceville.

L-avukati tal-akkużat ressqu rikors għall-ħelsien mill-arrest fil-Qorti Kriminali, iżda l-Avukat Ġenerali oġġezzjona għal din it-talba.

F’digriet li ngħata fit-12 ta’ Novembru, l-Imħallef Edwina Grima osservat li l-vittma u xhieda oħra diġà taw ix-xhieda tagħhom. Għalhekk, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jagħmilx kuntatt mal-vittma jew xhieda oħra, li ma jwettaqx reat ieħor u li jiffirma kuljum f’għassa tal-pulizija. Il-ħelsien mill-arrest ingħata wkoll fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €30,000.

Id-DJ li għandu 32 sena, meta kien tressaq il-Qorti, kien ingħad li l-vittma kienet marret għand il-Pulizija biex tirrapporta l-allegat każ imbikkma. Hija qaltilhom li wara li kienet talbet lid-DJ idoqqilha diska, hu allegatament kien sfurzaha biex tmur id-dar tiegħu. Fil-Qorti ntqal ukoll li fil-ġurnata ta’ wara, id-DJ kien kellem lill-vittma fuq Instagram fejn skuża ruħu magħha għal dak li ġara.

Id-DJ kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u kienet saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni kienet oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li l-vittma għad trid tixhed f’dawn il-proċeduri u peress li l-imputat ma kellu l-ebda rabtiet ma’ Malta. 

Min-naħa tagħha, id-Difiża argumentat li l-imputat “m’għandux jiġi diskriminat minħabba li huwa barrani” u li l-vittma diġà xehdet fl-inkjesta. 

Kien hawn fejn il-Prosekuzzjoni kienet qalet li l-mara kienet wieġbet biss għal xi mistoqsijiet relatati mal-eżami mediko-legali u ma tatx rendikont sħiħ ta’ dak li ġara. “Din il-verżjoni lanqas biss ma hi maħlufa,” qalet il-Prosekuzzjoni.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti kienet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, minħabba l-fatt li l-vittma għadha trid tixhed u minħabba l-biża’ ta’ intraċċ ta’ provi.

Ekonomija

Sport