Wednesday, April 24, 2024

ARA: “Grazzi mill-qalb… jalla tasal il-ġurnata li Paul ikun finalment ħieles mill-kanċer”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għalkemm kien hemm min sfortunatament iġġudikana għal dan il-pass li kellna nieħdu, nassigura lil kulħadd li ma kinitx faċli għalina naslu s’hawn. L-unika triq li kien fadlilna kienet li nbigħu fejn noqogħdu, iżda jiena u r-raġel it-tnejn qbilna li ma tantx hu żmien li noqogħdu niċċaqalqu anke minħabba li t-trattament għadu għaddej u ma nafux kemm se jdum”, hekk bdiet biex tgħidilna Marica Galea, mart Paul Galea, ftit jiem wara l-appell tagħhom għall-għajnuna. Intant huwa ta’ pjaċir ta’ dan is-sit li jinfurmakom li għal darba oħra l-poplu Malti wera kemm tassew jinsab hemm għal xulxin meta jisma’ b’każ bħal dan.

Infatti l-familja Galea infurmatna li grazzi għad-donazzjonijiet miġburin fi ftit jiem huma jistgħu jiffukaw fuq it-trattament ta’ Paul aktar milli jaraw kif se jagħmlu biex iħallsu d-dejn li kienu qabdu deħlin fih f’din il-ġlieda kontra l-kanċer.

YouTube video

“Ovjament kuntenti ħafna li l-poplu fehem il-karba ġenwina tagħna. Bil-ftit u l-ħafna ta’ dawk kollha li avviċinawna nġabret is-somma sabiħa ta’ madwar €40,000 u ta’ dan ma nafx minn fejn nibda naqbad nirringrazzja lin-nies. Xtaqna nagħmluha ċara li lil hinn minn għotjiet finanzjarji, qrajna l-messaġġi kollha ta’ kuraġġ ta’ dawk li ma kinux f’sitwazzjoni li jgħinuna finanzjarjament iżda ħadu l-opportunità biex jagħmlulna kuraġġ b’telefonati, messaġġi u kummenti fost mezzi oħrajn”, qalet ma’ talk.mt Marica.

Hija żiedet titkellem dwar is-sodisfazzjon tal-għaqda f’mumenti bħal dawn. Dan hekk kif fost messaġġi ta’ kuraġġ u għotjiet li rċevew bħala familja, kien hemm dawk ta’ persuni barranin li jgħixu pajjiżna. Marica tenniet li għall-ewwel qishom tħassbu meta feġġew ismijiet ta’ persuni ta’ nisel barranin, iżda meta dawn bdew jiżdiedu apprezzaw kemm ħafna drabi jsir l-iżball li nagħmlu distinzjoni razzista bejn il-kulturi għax il-messaġġi ta’ kuraġġ tagħhom ukoll kienu ta’ sostenn.

“It-trattamenti kif għedt fl-appell li għamilna qabel jiswew ħafna flus, iżda minn qalbna nixtiequ nirringrazzjaw lil kull minn kien ta’ għajnuna magħna u nittamaw li jasal il-jum li fih naġġornawkom li Paul huwa finalment ħieles mill-kanċer”, temmet Marica.

Sport