Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech iddikjarat li wasal iż-żmien li spetturi mill-Aġenzija Jobsplus jiġu mgħammra b’bodycams sabiex “jiġi evitat ħafna ħela ta’ riżorsi kemm għall-istess aġenzija kif ukoll għall-Pulizija”.
Hija qalet dan f’sentenza li tat li fiha Chet Bahadur Khatri kien immultat €5,000 wara li nstab ħati li ħaddem żewġ persuni mingħajr ma avża lil Jobsplus dwar dawn l-impjiegi.
Khatri kien mixli wkoll li f’Lulju tal-2025, bħala direttur ta’ kumpanija, ta xogħol lil persuna li ma kellhiex permess waħdieni jew liċenzja ta’ impjieg mogħtija lilu għal dak l-impjieg.
Fix-xhieda tagħhom, l-uffiċjali tal-Jobsplus qalu li meta daħlu fir-ristorant sabu mara u raġel. Qalu li dwar ir-raġel ma sabu ebda dokument li juri li seta’ jaħdem. Dak il-ħin ir-raġel kien qiegħed isajjar. Huma argumentaw li la kien fil-kċina, kien ifisser li huwa kien qed isajjar. Intqal li l-mara kienet qiegħda wara l-counter filwaqt li l-ħanut kien mituħ għan-nies.
Minn din ix-xhieda, il-Qorti qalet li kien qed jiġi kontradett dak li xehed ir-raġel meta qal li l-ħanut ma kienx miftuħ għall-pubbliku u li ma kienx qed jisserva ikel. Il-Qorti qalet li ma jistax jitwemmen li hu nzerta fil-kċina liebes ilbies għal fuq ġewwa għax kien qed jipprepara ikel għalih.
“Qatt ma seta’ bar u ristorant, għall-ħabta ta’ nofsinhar, b’persuna oħra wara l-bar u b’numru ta’ klijenti, jopera mingħajr ma jkun hemm ħadd fil-kċina. Assolutament hu ludikru u li jiġi suġġerit li għal tazza tè kellu għalfejn imur ġo kċina ta’ ristorant biex jeħodha,” qalet il-Maġistrat Frendo Dimech. “L-Ispetturi la sabuh jistenna kitla tagħli, la kellu ilma f’idu u lanqas ma deher ifittex l-ilma!”.
Il-Maġistrat osservat li kieku l-uffiċjali għandhom il-bodycams jonqsu drastikament kawżi simili. Dan peress li d-difiża jkollha f’idejha dik l-evidenza dwar dak li l-uffiċjali jkun ikkonstataw u dak li jintqal lilhom mill-persuni rilevanti.
“Għalkemm il-Qorti ma għandha l-ebda raġuni sabiex tiddubita mix-xhieda ta’ dawn l-uffiċjali, il-każ potenzjalment ma kienx jiddilunga kemm-il darba kellu jiġi preżentat footage tal-impjegat fil-kċina mdawwar bl-ikel li kien qed jipprepara, tan-nies li kien hemm fl-istabbiliment u dettalji oħra li kemm-il darba jiġu mgħoddija lid-difiża bħala disclosure, każijiet kontestati jonqsu b’mod sinifikanti kif seħħ rigward reati oħra fejn intużaw cameras”.
“Madanakollu, fil-frattemp hekk kif l-ispetturi jieħdu ritratti bil-mobiles ma hemm xejn milli jimpedihom jużaw l-istess mobiles biex jittieħed filmat, wara kollox l-ispetturi jkunu minn tal-inqas tnejn meta ssir spezzjoni u faċilment meta wieħed qed jitkellem ma’ persuni t’interess l-ieħor jista’ jiġbed il-filmat!”.
Dwar il-piena, il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati li qed tinstab ħtija dwarhom. Qalet li l-impjegati li ma kinux reġistrati biex jaħdmu ma’ Jobsplus kienu tnejn filwaqt li kien ir-raġel biss li ma kellux permess waħdieni jew liċenzja t’impjieg biex jagħmel dak ix-xogħol jew impjieg.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu multa ta’ €5,000.



