Friday, April 19, 2024

Il-Wasteserv reġgħet qiegħda tilqa’ skart tal-kostruzzjoni… basta ma jkunx ikkontaminat

Aqra wkoll

Minn Melvin Farrugia

Wara li ftit tal-ġimgħat ilu l-kumpanija Wasteserv ħabbret li se tieqaf tilqa’ skart tal-kostruzzjoni fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff, issa jidher li s-sitwazzjoni reġgħet ġiet għan-normal. 

Kienet kelliema għall-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar li kkonfermat dan ma’ Inewsmalta, filwaqt li spjegat li fil-ġimgħat li għaddew kellha tittieħed din id-deċiżjoni minħabba li l-operatur li ngħata l-kuntratt minn Wasteserv biex jipprovdi s-servizz ta’ rimi ta’ dan it-tip ta’ skart fil-barrieri tiegħu għalaq il-bibien għal żmien temporanju. 

Qaltilna wkoll li nhar il-Ħamis tal-ġimgħa li għaddiet il-kontenituri għal dan il-materjal fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff imtlew kollha u l-kumpanija Wasteserv ma kellhiex fejn tista’ tiddisponi minnu. Għalhekk spjegat li l-kumpanija ma setgħetx tibqa’ taċċetta iżjed dan l-iskart. 

Mistoqsija dwar jekk din id-deċiżjoni setgħetx wasslet biex jiżdied ir-rimi illegali ta’ skart fil-widien u f’postijiet oħra, il-kelliema qalet li Wasteserv hi kontra kull abbuż bħal dan. Spjegat li l-kumpanija fittxet alternattivi biex tkun tista’ terġa’ toffrri dan is-servizzi fl-iqsar żmien possibbli u fil-fatt minn l-aħħar jien dan l-iskart reġa’ beda jiġi aċċettat. 

Il-kelliema qalet li hu importanti li nagħmluha ċara li l-iskart inert m’għandux ikun ikkontaminat b’materjali oħra bħal xkejjer, pajpijiet, vitien u wajers. Saħqet li dawn għandhom jitneħħew minn qabel u jintremew separatament fil-kontenituri l-oħra li jinsabu fl-istess ċentri. Għamlitha wkoll ċara li min imur b’materjal ikkontaminat, mhux se jingħata permess li jagħmel użu minn dawn is-siti.

Sport