Friday, April 19, 2024

Il-Bank of Valletta jintroduċi aktar miżuri għas-sigurtà tal-klijenti u l-impjegati

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta jinforma lill-klijenti tiegħu u lill-pubbliku li b’effett mit-Tnejn 20 ta’ April se jingħalqu b’mod temporanju ħames fergħat tal-Bank.

Fl-aħħar sforzi tiegħu bil-għan li jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19, il-Bank of Valletta qiegħed jagħlaq temporanjament numru ta’ fergħat biex inaqqas il-kuntatt dirett. Il-fergħat li qed jingħalqu temporanjament huma dawk li jinsabu f’Birżebbuġa, il-Ħamrun, Ħal Luqa, Tas-Sliema u l-Mellieħa. Sadanittant, 28 fergħa u aġenzija tal-Bank se jibqgħu miftuħin għall-pubbliku madwar Malta u Għawdex.

L-ATMs u l-faċilitajiet tan-Nightsafe Deposits li jinsabu mal-fergħat magħluqa se jibqgħu joperaw b’mod normali. Il-klijenti huma ġentilment imfakkra li ġbid u depożiti ta’ flus u ċekkijiet jistgħu jsiru permezz tal-ATMs, filwaqt li pagamenti jistgħu jsiru permezz tal-BOV Cards, BOV Pay jew BOV Mobile to Mobile Payments. Barra minnhekk, il-BOV Internet Banking u l-BOV Mobile jistgħu jintużaw għal pagamenti u ħtiġijiet bankarji oħra. Għall-ħtiġijiet bankarji oħra, l-klijenti jistgħu jinqdew ukoll permezz tal-email u telefonati.

Riċentement, il-Bank of Valletta introduċa inizjattivi biex jiżgura li l-anzjani u l-persuni vulnerabbli jkunu jistgħu jkomplu jaqdu l-bonnijiet bankarji tagħhom mid-dar, permezz tal-assistenza ta’ persuni ta’ fiduċja.

Klijenti li għandhom bżonn ta’ servizzi bankarji oħra jistgħu jibagħtu email fuq [email protected] u jipprovdu t-tip ta’ servizz li jeħtieġu, in-numru tal-mowbajl tagħhom, in-numru tal-Karta tal-Identità u l-fergħa fejn normalment jinqdew. Jistgħu ukoll iċemplu fuq +356 2275 3500 (mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8am sal-4pm). Dawn imbagħad jiġu kkuntattjati minn rappreżentant tal-Fergħa u jingħataw l-għajnuna meħtieġa. Klijenti li jirrikjedu aċċess għall-Safe Deposit Locker li jinsabu fil-fergħat imsemmija hawn fuq, jistgħu jagħmlu appuntament bl-email jew telefonata.

Il-Bank of Valletta jifhem li dawn il-miżuri jistgħu jikkawżaw ċertu inkonvenjent lil uħud mill-klijenti tiegħu. Madankollu, fid-dawl tas-serjetà tal-pandemija attwali, il-Bank jemmen bis-sħiħ li dawn il-miżuri huma meħtieġa għall-ġid tal-komunità kollha.

Il-Fergħat tal-BOV li ġejjin huma miftuħa mid-9 ta’ filgħodu sa 12 (nofsinhar) mit-Tnejn sal-Ġimgħa:

Malta – Ħ’Attard, Balluta, Birkirkara, Buġibba, il-Furjana, il-Gżira, Marsa, Marsaskala, Mosta, Mqabba, Naxxar, Paola, Rabat, San Ġwann, San Pawl Il-Baħar, Santa Venera, Is-Siġġiewi, San Ġiljan, Tal-Ibraġ, Valletta , Żabbar, Żebbug, Żejtun, Żurrieq

Għawdex – Rabat, Xagħra, Sannat, Nadur

Aktar informazzjoni u aġġornamenti tal-BOV fuq COVID-19 jistgħu jinstabu fuq https://bov.com/content/covid-19-bov-updates.

Sport