Friday, December 27, 2024

Waterpolo: Diversi inizjattivi ta’ interess mill-ASA

Aqra wkoll

Waqt konferenza stampa li ġiet indirizzata f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, ingħataw diversi dettalji mill-ASA, immexxija mill-president, Karl Izzo.

Sar magħruf li l-ASA se terġa’ torganizza l-ENEMED CUP. Il-president tal-ASA Karl Izzo beda biex irringrazzja lill-ENEMED imma fuq kollox lil Executive Chairman is-Sur Kevin Chircop li dejjem kien ta` spalla għall-assoċjazzjoni. Il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet hija waħda pożittiva tant li għal futur ġejjieni ser jitħabbru aktar inizjattivi mal-entita ENEMED. Dan il-format dejjem serva ta` pjattaforma għat-talent żagħżugħ ġewwa pajjiżna.  Ta min wieħed isemmi li bħalissa hemm madwar 16-il player tal-water polo li qegħdin jilgħabu barra minn Malta fosthom erba’ tfajliet.

LEN Challenger Water Polo Cup – Men & Women

Din is-sena ġie deċiż li Malta tieħu sehem fiċ-Challenger Water Polo Cup b`selezzjoni ta` tim tan-nazzjonal immexxi mil-kowċ Milan Cirovic taħt l-isem Valletta Malta. It-tim ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jittrenja ġewwa il-Pixxina tal-Kottonera kemm filgħodu u anke filgħaxija. Il-preparamenti għaddejin ġmielhom. Il-grupp ta` kwalifikazzjoni li hemm fih Malta, ser isir ġewwa pajjizna din il-ġimgha bejn 19-22 ta` Ottubru 2023. Fost it-timijiet li ser nospitaw ser ikun hawn rappreżentanza mil-Litwanja, il-Fillandja u l-Bulgarija.  Dan il-logħob ser iservi ta` preparazzjoni li ser ikollna fil-Kampjonati Ewropej li kellhom isiru ġewwa Iżrael f`Jannar li ġej. F`din il-kompetizzjoni apparti it-tim tal-irgiel, ser ikollna wkoll rappreżentanza femminili għaliex it-tim tat-tfajliet tas-Sirens ser jieħdu sehem ukoll f`din il-kompetizzjoni. Il-logħob ta kwalifikazzjoni tagħhom ser isiru ġewwa Burgas il-Bulgarija, u fil-grupp ser ikun hemm timijiet mir-Renju Unit, Bulgaria, Portugal u Serbia. It-tfajliet ilhom jippreparaw matul dawn l-aħħar ġimgħat għal dawn il-logħob.

Water Polo Youth & Women League

Għall-ewwel darba se jkun qed jitnieda festival għall-Under 12 boys kif ukoll Under 16 girls. Apparti minnhekk ser ikun hemm il-kampjonati tal-U14/ U16 / U18 / U20 boys kif ukoll Senior Women League tax-Xitwa kif ukoll dak tas-Sajf. Ħafna mil-logħbiet ser jibdew minn Novembru u ser isiru ġewwa il-Kottonera u meta noqorbu għall-perjodu tas-sajf, l-aħħar logħbiet ser jintlagħbu fil-pitches rispettivi tal-clubs. Se jintlagħbu ‘il fuq minn 328 logħba. Fil-gimgħat li ġejjin ser ikun varat ukoll il-kampjonat tas-Seniors Water polo tax-Xitwa kif ukoll dak tas-Sajf.

Kompetizzjonijiet Internazzjonali

Il-ħidma tal-ASA ma tieqafx biss fl-organizzazzjoni għall-kampjonati lokali, imma bil-għajnuna tal-Malta Tourism Authority u SportMalta, għall-ewwel darba f`pajjiżna ser tiġi organizzata il-Malta Water Polo Christmas Cup (Men). Bħala timijiet se jieħdu sehem is-Serbia, il-Montenegro, l-Olanda, l-Italja u Franza. Din hija opportunita unika għad-dilettanti tal-waterpolo sabiex jaraw fostna uħud mil-aqwa talenti f`dan l-isport. Il-logħob kollu ser isir ġewwa il-kumpless tal-Kottonera. Dan l-avveniment ser iservi sabiex dawn it-timijiet inkluż Malta, jippreparaw għall-Kampjonati Ewropej.

Intant, il-LEN European Junior Artistic Swimming Championships kif ukoll il-World Aquatics Men’s U16 Water Polo World Championships ser isiru ġewwa pajiżna f`Ġunju tas-sena d-dieħla. Dawn huma żewġ kompetizzjoniet kbar għaliex qatt qabel ma ġew organizzati kampjonati fuq livell ta` Worlds f`pajjizna. Żgur mhux forsi, li dawn l avvenimenti huma ta importanza nazzjonali u hija storika għal pajjiżna wkoll. Għall-Junior Artistic Swimming Championships ser nilqgħu fostna madwar 15-il pajjiż u se jsiru ġewwa l-kumpless tal- Kottonera. Bil-ħidma tal kowċis tagħna Michelle Hubner u Hannah Preca Trapani, ser inkunu ippreparati għal din il-kompetizzjoni. L-ASA investiet bis-sħiħ f`dan l-isport, tant li matul din is-sena l-atleti tagħna kellhom l-opportunitá li jikkompetu barra minn xtutna fosthom ġewwa Funchal kif ukoll ġewwa Ateni, il-Greċja.

Intant, fil-World Aquatics Men’s U16 Water Polo World Championships li se jsir f`Gunju ukoll u nħossuna onorati li ntgħażlet Malta. Matul dan il-kampjonat ħa nilqgħu fostna ‘l fuq minn 32 tim minn diversi pajjiżi madwar id-dinja kollha. Kull tim se jkun kompost minn 20 persuna fosthom atleti, staff tekniku u delegati. Apparti dan, mijiet oħra ta` ġenituri ser jivvjaġġaw għal dan it-tournament prestiġġjuż. Fil-fatt l-ASA għal dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet, fil-jiem li ġejjin, ha taħtar organisation committee li ser ikun qiegħed immexxi minn Rita Azzopardi s-Segretarja Generali tagħna. It-tim tagħna tal-U/16 ser ikun qiegħed jipprepara bis-sħiħ għal dan l-avveniment immexxi mill-kowċis Jonathan Valletta u Ryan Coleiro. Fil-fatt it-tim ser ikun qiegħed jikkompeti ukoll fil-kampjonat lokali tal-U/18 f`pajjiżna.

Education Courses / Coaches Licence

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA b’kollaborazzjoni mal-ASA Education Development Committee, għamlu passi sinifikanti lejn it-titjib tal-istandards tal-coaching fil-qasam akkwatiku f’Malta. Ittieħdet deċiżjoni li l-kowċis residenti f’Malta jkunu kwalifikati u liċenzjati. Dan huwa tabilħaqq żvilupp sinifikanti għaliex qatt qabel ma kellna sistema f`postha. Din id-deċiżjoni hija mmirata biex tiżgura s-sigurtà u l-professjonaliżmu. L-ASA temmen bis-sħiħ li għandu jkun hemm kowċis kwalifikati on deck għaliex huwa essenzjali jekk irridu t-tkabbir u s-suċċess kontinwu tal-isport akkwatiku f’Malta.

Ser ikun hemm qafas gradwali għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti. Il-kowċis se jingħataw ammont raġonevoli ta’ żmien biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda. Matul dan il-perjodu tranżitorju, jeħtieġ li kull kowċ ilesti korsijiet ta’ taħriġ speċifiċi biex jiksbu l-kwalifiċi u l-liċenzji meħtieġa. Bħala parti minn din l-inizjattiva, l-ASA daħlet fi ftehim ma’ diversi entitajiet fosthom mal-Institute for Swimming, li hija istituzzjoni rinomata bbażata fir-Renju Unit. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, l-ASA se toffri korsijiet ġewwa pajjiżna li jilħqu standards internazzjonali, u jiżguraw li l-kowċis jirċievu taħriġ u ċertifikazzjoni tal-ogħla livell. Dan il-ftehim jirrappreżenta pass sinifikanti sabiex inkabbru l-għarfien u l-ħiliet tal-kowċis biex jiżbqu fir-rwoli tagħhom.

Intlaħaq ftehim ukoll mar-Royal Life Saving Society biex tipprovdi korsijiet ta` first aid u lifesaving. Dawn il-korsijiet huma mfassla biex jarmaw lill-kowċis b’ħiliet essenzjali li jsalvaw il-ħajja, u jiżguraw li jkunu ppreparati tajjeb biex jimmaniġġjaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Ukoll, l-ASA qed tenfasizzaw l-impenn tagħħa għas-sigurtà u l-benesseri tal-parteċipanti kollha fl-isport akkwatiku. Intlahaq ftehim ukoll ma l-entita` Learning Works f’diversi oqsma fosthom fl-ikkowċjar u l-iżvilupp tal-isport.

Intant, sar magħruf li fil-jiem u il-ġimgħat li ġejjin, se jiġu mnedija il-programmi tal-ASA u din qed tistenna bil-ħerqa li taħdem mill-qrib mal-kowċis, l-atleti, u l-partijiet interessati biex timplimentaa dawn il-miżuri b’mod effettiv u tgħolli l-istandard tal-kowċing f’pajjiżna.

World Aquatics Water Polo Development Courses for Referees

L-ASA flimkien mal-World Aquatics, ser torganizza Development Referee Course li ser isir bejn 27-28 ta` Otturbu 2023 ġewwa l-Universita` ta` Malta. Madwar 18 il-persuna applikaw għal dan il-kors li ser ikun qed jitmexxa mir-referee Taljan Massimiliano Caputi. Il-parteċipanti ser ikollhom l-opportunitá li jsewgu u jiddiskutu r-regolamenti ġodda li ġew introdotti.

Intant, Karl Izzo, temm il-konferenza stampa billi rringrazzja lill-Eżekuttiv tal-ASA, li dejjem kienu ta` spalla u li bl-għajnuna tagħhom ukoll l-ASA setgħet toħroġ b`dawn l-inizjattivi kollha. Huwa radd ħajr ukoll lill-istaff tekniku tal-ASA li jaħdmu qatigħ sabiex inkomplu ngħollu l-isem ta` pajjiżna ‘l fuq, kif ukoll lill-imsieħba u l-entitajiet li jaħdmu u jgħinu mill-qrib lill-ASA, u anke lill-ġurnalisti għax bl-għajnuna tagħhom, l-assoċjazzjoni tkun tista’ twassal il-messaġġ tagħha fuq il-mezzi soċjali.

Ekonomija

Sport