Wayne Cassar ta’ 25 sena miż-Żurrieq hu r-rebbieħ ta’ Mr Malta 2025 f’avveniment uniku li sar f’Montekristo Estate quddiem folla kbira ta’ nies. Kienet lejla mimlija emozzjonijiet, dawl u stil li saħħar lil kull min kellu sehem minn dan l-avveniment.
Wara li fil-jiem li għaddew intervistajna lil Mrs Malta Roxanne Fabri, issa kien imiss Wayne li wkoll tana d-disponibbilta’ tiegħu sabiex jagħtina l-ewwel kummenti tiegħu. Bdejna billi saqsejnih kif ħassu meta ssemma’ ismu bħala r-rebbieħ ta’ dan l-avveniment.
“Meta smajt ismi, kelli taħlita ta’ emozzjonijiet – ferħ, kburi, u eċitament kbir,” jgħidilna Wayne. “Għalija dan it-titlu jirrappreżenta x-xogħol kollu li għamilt fuqi nnifsi matul is-snin, mhux biss fuq il-fiżiku tiegħi, imma wkoll fuq il-personalità u l-karattru.”
Din kienet it-tieni esperjenza tiegħu fil-konkors. Fl-2021 kien diġà ħa sehem meta l-istess avveniment ġie organizzat minn Ivan Gaffiero. “Dak iż-żmien kont għadni bidu, imma wegħedt li kull sena nipprova nkun aħjar. Ħdimt ħafna fuqi nnifsi, kemm fuq il-preżenza tiegħi fuq il-palk kif ukoll fuq il-karattru personali.”
Minkejja l-kompetizzjoni, Wayne jiftakar li l-finalisti kienu wkoll ħbieb miegħu mhux biss kontestanti. “Għalkemm konna kontestanti kontra xulxin, dejjem għinna lil xulxin. Kien hemm atmosfera sabiħa ta’ rispett u lealtà.” Huwa jfaħħar ħafna l-organizzazzjoni ta’ Gaffiero, li kull sena jressaq il-konkors fuq livell professjonali għoli.
Meta tkellimna dwar is-sbuħija, Wayne kien ċar ħafna: “Mhux biss kif tidher minn barra, imma wkoll il-karattru li għandek minn ġewwa. Personalità soda, karattru b’saħħtu u qalb tajba huma importanti daqs l-immaġni tiegħek. Il-fiżiku jgħinek ħafna wkoll u għalhekk li l-gym jagħtik mhux biss saħħa iżda wkoll dixxiplina u bilanċ mentali.”
Wayne Cassar mhuwiex biss mudell jew parteċipant f’kompetizzjonijiet. Huwa attiv ħafna wkoll fir-regatta f’Marsamxett. “Ir-regatta għallmitni ħafna dwar id-dixxiplina u l-kapaċità fiżika. Il-baħar jitlob rispett u saħħa. Din is-sena iġifieri fir-regatta tat-8 ta’ Settembru, se nippruvaw immorru għall-kategorija tas-Shield, u qed inħossni lest biex nagħti l-aħjar tiegħi.”
It-taħriġ fuq il-baħar mhux biss jgħinu fiżikament, iżda jagħtih ukoll paċi u enerġija ġdida. “Hija passjoni kbira tiegħi u nemmen li tgħallimni ħafna dwar il-ħajja – kemm bħala atleta u kemm bħala persuna.”
Meta staqsejnieh kif jara lilu nnifsu fi żmien għaxar snin, Wayne wieġeb b’umiltà: “Nixtieq inkun miżżewweġ, bil-familja tiegħi u t-tfal. Fl-istess ħin, nixtieq inkompli nagħti sehmi fir-regatta u niżviluppa fix-xogħol tiegħi. Il-ħajja hija dwar bilanċ – karriera, passjoni u familja.”
Mhux l-ewwel darba li Wayne jirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet ta’ prestiġju. Fl-2019, hu ġie magħżul sabiex jirrappreżenta lil pajjiżna fil-Mister World Tourism World 2020 li kellu jsir f’Malta. Dik is-sena, hu kien rebaħ il-konkors Winter Elegance, fejn kien hemm 58 parteċipant. L-esperjenza, jgħid Wayne, tatu motivazzjoni biex ikompli jimxi ’l quddiem fil-mudellar u fil-karriera tiegħu.
Il-konkors ta’ din is-sena kellu wkoll element ta’ solidarjetà. Il-fondi li nġabru mill-kontestanti ġew iddedikati għal Hospice Malta. Fil-finali, Gaffiero ppreżenta ċekk ta’ €11,455 f’isem il-parteċipanti. “Din il-parti tagħti sens akbar lil dan kollu,” jgħid Wayne. “Mhux biss qed nitilqu b’titlu jew esperjenza personali, imma wkoll qed nagħtu lura lis-soċjetà.”
Wara r-rebħa tiegħu, Wayne kiteb fuq Facebook:
“Onorat li ġejt inkurunat bħala Mr Malta 2025! Dan il-vjaġġ kien mimli xogħol iebes, dixxiplina u determinazzjoni. Ma stajtx nasal hawn mingħajr l-appoġġ tal-familja tiegħi, il-ħbieb, it-tfajla tiegħi u l-mentor tiegħi Iven Mercieca. Grazzi lil kulħadd li emmen fija – dan hu biss il-bidu! Lil kull min għandu ħolma: ibqgħu konsistenti, tibqgħu toħolmu għall-għanijiet tagħkom, u qatt ma taqtgħu qalbkom.”
Il-finali organizzata minn Ivan Gaffiero kienet spettaklu. “Tonight’s the Night!” kien il-motto tas-serata, b’wirja ta’ kreattività, talent u moda fuq il-catwalk ta’ Montekristo Estate. Il-parteċipazzjoni ta’ 58 kontestant kienet prova ta’ kemm dan il-konkors jibqa’ jiġbed interess kbir.
Wayne jiftakar il-lejl b’sodisfazzjon u gratitudni: “Il-palk kien lest, id-dwal kienu mixgħula, u l-mument tiegħi wasal. Ninsab kburi li rnexxieli nħalli l-marka tiegħi u nirrapreżenta lil pajjiżna bħala Mr Malta.”
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Wayne jgħaddi messaġġ ċar lil dawk il-ġuvintur u rġiel li qed jaqraw din l-intervista: “M’għandkom taqgħu qalbkom qatt. Il-ħajja toffri ħafna sfidi, imma jekk għandek għan ċar f’moħħok u taħdem fuqu b’dixxiplina, xejn mhu impossibbli. L-importanti hu li tibqa’ timxi ’l quddiem u ma tħallix lil ħadd iwaqqfek.”
L-istorja ta’ Wayne Cassar hija waħda ta’ perseveranza, dixxiplina u ħolm li sar realtà. Minn Zurrieq għal Montekristo Estate, minn gym għall-baħar tar-regatta, huwa wera li s-suċċess jseħħ minn impenn personali u minn passjoni ġenwina. Illum hu jġorr it-titlu ta’ Mr Malta 2025, iżda aktar minn hekk, iġorr miegħu messaġġ ta’ kuraġġ u ispirazzjoni għal kull min jixtieq jilħaq il-ħolm tiegħu.