Friday, May 3, 2024

Wimbledon: Carlos Alcaraz għall-ewwel darba

Aqra wkoll

L-Ispanjol, Carlos Alcaraz, rebaħ it-titlu tas-singles tal-irġiel ta’ Wimbledon għall-ewwel darba biex fl-istess waqt temm id-dominanza ta’ Novak Djokovic b’rebħa mill-isbaħ.

Alcaraz, 20 sena, iġġieled lura minn bidu nervuż biex rebaħ 1-6 7-6 (8-6) 6-1 3-6 6-4 kontra ċ-champion renjanti.

Djokovic kien sejjer għall-ħames rebħa konsekuttiva ta’ Grand Slam, it-tmien trijonf tal-irġiel ta’ dan it-tournament u l-24 unur maġġuri – kollha suċċessi ta’ rekord.

Iżda s-Serb ta’ 36 sena ġie megħlub mill-aqwa seed Alcaraz, li enfasizza l-klassi tiegħu billi rebaħ it-tieni titlu ewlieni.

“Hja ħolma li saret realtà għalija,” qal Alcaraz.

“Anke kieku tlift, kont inkun kburi bija nnifsi. Li nkun nista’ nilgħab f’dawn l-istadji ta’ dawn l-okkażjonijiet – bħala tifel ta’ 20 sena – huwa  unur kbir għalija.

“.. u jien tassew kburi bija nnifsi.”

Alcaraz, li rebaħ l-ewwel titlu tiegħu ta’ Grand Slam fl-Open tal-Istati Uniti s-sena l-oħra, iċċelebra billi waqa’ ċatt fuq wiċċu u tefa’ l-ballun fil-folla wara li rebaħ l-ewwel match point tiegħu.

Il-maġġoranza ta’ Center Court ippakkjata, li kienet tinkludi lill-Prinċep u lill-Prinċipessa ta’ Wales, l-attur Brad Pitt u r-rebbieħ darb­tejn Andy Murray, qamu fuq saqajhom biex jagħtu ġieħ liċ-champion il-ġdid tal-All England Club.

Kif tiddetta t-tradizzjoni ta’ dan it-tournament, Alcaraz tela’ t-taraġ mill-court sal-kaxxa fejn kien it-team tiegħu u ħaddan lill-coach, Juan Carlos Ferrero, flimkien mal-familja u sħabu.

Alcaraz huwa t-tielet l-iżgħar tennista li rebaħ it-titlu ta’ Wimbledon fl-era Open wara Boris Becker ta’ 17-il sena fl-1985 u Bjorn Borg ta’ 20 sena fl-1976.

Min-naħa ta’ Djokovic, dan qal: “Qatt ma nħobb nitlef logħbiet bħal dawn iżda naħseb li meta dawn l-emozzjonijiet jgħadduli,  għandi xorta nkun grat ħafna.” Huwa deher emozzjonat ħafna fejn ipprova jżomm il-biki tiegħu.

“Tlift kontra player li kien aħjar minni fl- aktar mumenti delikati speċjalment fl-aħħar set. Għaldaqstant irrid nifraħlu. Sena oħra se niġi aktar b’saħħti,” temm jgħid Djokovic. 

Sport