Friday, May 3, 2024

Il-popolazzjoni dinjija qabżet it-tmien biljun persuna

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Filwaqt li kien stmat li sa Ottubru ta’ din is-sena l-popolazzjoni dinjija tilħaq it-tmien biljun persuna, dan l-ammont, skont il-“Worldometer”, diġà nqabeż bi kważi 44 miljun. Tul il-Preistorja u l-Istorja, il-popolazzjoni umana kienet biss ta’ biljun persuna imma fil-219 sena ta’ wara dan l-ammont sploda u qabeż it-tmien biljun. Il-popolazzjoni fuq il-pjaneta tagħna, li aktar ma tmur aktar qiegħda turi sinjali ta’ bdil ta’ klima, qajjem diskussjonijiet u kontroversji dwar jekk wasalx iż-żmien li jkun hemm xi forma ta’ kontroll ta’ kemm jitwieldu tfal. 

Konsegwenza ta’ popolazzjoni kbira, huwa fatt li qegħdin nesperjenzaw żieda qawwija fil-produzzjoni tal-ikel, domanda eżuberanti għall-ilma, ħtieġa ta’ aktar akkomodazzjonijiet, konsum ikbar ta’ enerġija, pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa, bżonn ta’ trasport u aktar. Dan il-piż ta’ riżorsi qiegħed jikkontribwixxi għal degredazzjoni ekoloġika, żieda fil-konflitti u riskju akbar ta’ diżastri fuq skala mondjali bħalma huma pandemiji. Fil-fatt, id-dinja għadha kemm esperjenzat sentejn ta’ pandemija globali qattiela – dik tal-Covid-19 u preżentament għaddejjin diversi konflitti f’żoni differenti bl-akbar waħda tkun il-Gwerra fl-Ukrajna.

L-avvanzi fix-xjenza, it-teknoloġija u soċjetajiet aktar ġusti

Fost il-fatturi li wasslu għal din iż-żieda fil-popolazzjoni hemm li n-nies qegħdin jgħixu ħajja itwal, naqqsu l-imwiet fost in-nisa tqal u trabi kif ukoll avvanzi fil-qasam tas-saħħa b’mod partikolari dak tat-tilqim. Oħrajn jemmnu li l-avvanzi fit-teknoloġija ffaċilitawlna ħajjitna mentri hemm ukoll it-teorija li l-ugwaljanza fil-ġeneru kien fattur li għen ukoll. 

Però, il-progress u l-ugwaljanza mhumiex universali. Mhumiex ipprattikati jew gawduti f’kull rokna tad-dinja. Din ir-realtà qajmet għarfien dwarha l-Ġnus Magħquda (UN) fejn sostniet li meta wieħed imur lura għas-sena 2011 meta l-popolazzjoni dinjija kienet ta’ seba’ biljun persuna, kien hemm sfidi li għal xi raġuni għadhom preżenti mentri uħud minnhom, sfortunatament, marru għall-agħar. 

Dawn huma l-bidla fil-klima, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni. Is-sitwazzjoni hija kritika hekk kif fost l-oħrajn, sa Mejju li għadda, huwa rrapportat li aktar minn 100 miljun persuna kellhom jitilqu minn art twelidhom, mentri erba’ biljun nisa u bniet (nofs l-umanità) għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru. Barra minnhekk, l-istat ekoloġiku huwa tant diżastruż li jekk mhiex se tittieħed azzjoni konkreta f’qasir żmien, ix-xjenzati qegħdin iwissu b’theddida fuq il-ħajja kif nafuha llum.

Diskriminazzjoni, fastidju u vjolenza

F’dinja ideali, tmien biljun persuna għandhom isarfu fi tmien biljun opportunitajiet għal soċjetajiet aktar b’saħħithom u ġusti li jagħtu għażla libera lil kulħadd. Iżda, fid-dinja reali li ngħixu fiha, hekk kif saħqu l-Ġnus Magħquda (UN), dan mhuwiex il-każ. Dan minħabba fost l-oħrajn kwistjonijiet tal-ġeneru, etniċità, klassi, reliġjon, orjentazzjoni sesswali, diżabilità u oriġini. Fir-rigward il-UN sostnew li, “għad hemm ħafna nies li huma vittmi ta’ diskriminazzjoni, fastidju u vjolenza. Ma nistgħux u m’għandniex indawwru wiċċnna quddiem din ir-realtà”.

Il-Ġnus Magħquda stess sostnew li dawn l-isfidi, li ilna nafu bihom għal aktar minn 10 snin, għandhom ikunu indirizzati. Il-mexxejja dinjin iridu jaraw li jinvestu fil-kapital uman għal soċjetajiet aktar inklussivi u produttivi bil-għan li kulħadd igawdi mid-drittijiet tiegħu. Fi stqarrija l-UN qalu li, “huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nerbħu dawn l-isfidi li għandha quddiemha. Il-mira għandha tkun li jkun hemm il-ġid, id-dinjità u l-edukazzjoni għal kulħadd. Dan għax f’dinja bi tmien biljun popolazzjoni, għandu jkun hemm spazju għal opportunitajiet u mhux bil-kontra”.

… Dan kollu għax huma nisa

Korp ieħor distint, din id-darba l-Fond għall-Popolazzjoni tal-Ġnus Magħquda, ukoll ħareġ stqarrija qawwija fuq it-tema tal-popolazzjoni dinjija preżenti u l-andament tagħha. Dan għamlu fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Popolazzjoni Dinjija li għadna kemm iċċelebrajna din il-ġimgħa, 11 ta’ Lulju. 

It-tema li dan il-Fond ried iqajjem għarfien u kuxjenza dwarha hija dik tad-diskriminazzjoni tal-ġeneru fejn mill-figuri li ħareġ, irriżulta li nofs l-umanità li hija nisa u bniet, għadhom ibatu kawża ta’ diskriminazzjoni. Dan kollu għax huma fil-fatt tas-sess femminili.

“30 sena ilu, fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, kellna l-mira li nagħmlu dinja li fiha n-nies jgħixu aktar fit-tul u b’mod san, li jgawdu aktar drittijiet u li jkollhom il-libertà tal-għażla. Din il-viżjoni saret realtà għal ħafna. Fil-fatt, il-popolazzjoni dinjija hija l-ogħla waħda li qatt kellna u dan l-aktar grazzi għall-avvanzi li saru fis-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika li wasslu għal ħajja itwal. Kif qegħdin niċċelebraw dan il-progress però, irridu nammettu li għal miljuni u anke biljuni ta’ persuni oħra, din il-wegħda u realtà għadhom mhumiex igawduhom,” spjega dan il-korp distint.

F’dan il-jum, il-Fond għall-Popolazzjoni tal-Ġnus Magħquda saħaq li l-mira li jmiss hija dik li n-nisa u l-bniet jingħataw iċ-ċans li jilħqu l-massimu tal-potenzjal tagħhom, li jgħixu kif jixtiequ huma ħajjithom, li jkunu jistgħu jkollhom il-familja u l-karriera li jaspiraw għalih inkluż id-dritt li jkunu f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, kif ukoll li jaqsmu l-ideat innovattivi u kreattivi tagħhom għal soċjetà aħjar.

Minkejja li f’għadd ta’ pajjiżi hemm il-pedament għal dawn id-drittijiet tan-nisa, il-Fond qal li 40% tan-nisa madwar id-dinja ma jistgħux jeżerċitaw id-dritt li jieħdu deċiżjonijiet fosthom dak fundamentali jekk ikollhomx tfal jew le. L-għan huwa li dawn in-nisa u bniet, permezz ta’ edukazzjonni u aċċess għal kontraċettivi moderni, ikollhom l-għodda u s-setgħa li jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u li jiddeċiedu huma l-andament ta’ ħajjithom.

“Il-viżjoni tal-futur hija dik li jiġu rikonoxxuti u pprattikati dawn id-drittijiet għas-sess femminili u s-soluzzjoni”, saħaq il-Fond “hija ċara daqs il-kristall – dik li naċċelleraw l-avvanzi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz ta’ drittijiet li jkopru dawk sesswali u riproduttivi, edukazzjoni aħjar, politika tax-xogħol ġusta, kif ukoll bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja”. Dan kollu, saħaq il-korp tal-UN, iwassal għal familji aktar sani, ekonomiji aktar b’saħħithom u soċjetajiet aktar reżiljenti.

Il-piramida perikoluża… 

Barra l-isfidi tar-rispett u d-drittijiet fis-soċjetajiet, il-popolazzjoni dinjija għandha quddiemha l-isifidi kbar tat-tniġġiż li qiegħed iwassal għal degredazzjoni ekoloġika, żieda fil-konflitti u riskju ta’ diżastri u pandemiji. Tliet elementi li skont ix-xjenzati, huma ta’ theddida serja għall-umanità. 

Iż-żieda fil-popolazzjoni, b’mod inevitabbli, qiegħda tikkawża pressjoni li twassal għal diforestazzjoni, nuqqas fil-bijodiversità u żieda qawwija fit-tniġġiż tal-arja u emissjonijiet. Fatturi li kollha qegħdin jiggravaw il-bidla fil-klima. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk ma nieħdux azzjoni biex nimminimizzaw iż-żieda fil-popolazzjoni, ħafna xjenzati jemmnu li l-istress miżjud fuq il-pjaneta se jwassal għal diżastru ekoloġiku u saħansitra kollass li jista’ jhedded il-ħajja kif nafuha llum.

Kull żieda qawwija f’qasir żmien tal-popolazzjoni qiegħda tirriżulta f’impatt fuq il-pjaneta li ngħixu fuqha. Skont stimi li ħarġu mill-istudju minn “Wynes u Nicholas” tal-2017, familja f’pajjiż żviluppat li jkollha wild inqas tista’ tnaqqas l-emissjonijiet b’58.6 tunellati ekwivalenti għal CO2 kull sena.

Iż-żewġ fatturi ta’ problemi fl-ambjent u popolazzjoni kbira, skont l-istudjużi, għandhom ukoll il-potenzjal li jwasslu għal żieda il-vjolenza u inkwiet politiku. Fil-fatt diġà qegħdin nesperjenzaw ġlied fuq kwistjonijiet ta’ territorji kemm fuq l-art, kif ukoll fuq il-baħar u problemi relatati mar-riżorsi tal-enerġija. Dawn il-konflitti qegħdin fil-Lvant Nofsani u reġjuni oħra li minn analiżijiet li jsiru, l-inkwiet mistenni jeskala aktar mal-popolazzjoni dinjija tikber.

Bħallikieku mhuwiex biżżejjed, l-inkwiet marbut mal-popolazzjoni dinjija li x-xjenzati qegħdin iwissu dwaru, hemm ukoll dak ta’ patoġeni ġodda li jistgħu jagħmlu devastazzjoni fuq l-umanità bħal fil-kas riċenti tal-Covid-19 u oħrajn qablu fosthom iż-Zika virus, l-Ebola u l-West Nile virus, li oriġinaw minn annimali jew insetti qabel ma nfettaw lill-bniedem. 

Skont ix-xjenzati, parti mir-raġuni li d-dinja dieħla “f’perjodu ta’ żieda fl-attività ta’ pandemiji” hija minħabba li qegħdin neqirdu l-abitat naturali u qegħdin inkunu aktar f’kuntatt ma’ annimali selvaġġi. Issa li għadna kemm esperjenza l-aħħar pandemija globali, nafu kemm huwa diffiċli li tinżamm id-distanza soċjali meta jkollok soċjetà b’popolazzjoni kbira. Fuq skala mondjali popolazzjoni ta’ tmien miljun persuna, din id-distanza hija ferm limitata.

Id-drittijiet tan-nisa huma l-futur

Is-soluzzjoni għal dawn ix-xjenzati hija dik li tkun limitata ż-żieda fil-popolazzjoni u li tittieħed azzjoni kontra kull min jinstiga l-vjolenza u kull min jippromwovi jew jipprattika d-diskriminazzjoni. Dawn jisħqu li fuq kollox għandu jkun hemm ippjanar tal-familji u agenziji għan-nisa fost in-nisa li jgħinu fl-edukazzjoni sesswali u d-distribuzzjoni ta’ kontraċettivi. 

L-istess suġġeriment huwa konformi ma’ dak tad-drittijiet tal-ugwaljanza u l-għażla libera tas-sess femminili li aċċennaw il-Ġnus Magħquda. Dawn jemmnu li ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija tkun ikkontrollata jekk mara jew tfajla tingħata t-tagħrif, l-aċċess u d-dritt tal-għażla għal meta u jekk ikollhiex tfal. 

B’dan il-mod, barra li ngħixu f’era fejn l-ugwaljanza u r-rispett għandhom ikunu awtomatiċi, l-ammont ta’ trabi li jitwieldu jonqos. B’riżultat ta’ dan, l-ambjent, is-sistemi tas-saħħa, id-domanda għal aktar akkomodazzjoni, kif ukoll il-konflitti u l-vjolenza, huma pproġettati li jonqsu. 

Il-ħsieb aħħari…

Għaldaqstant, ikun għaqli għall-mexxejja dinjin li jagħtu widen lill-Ġnus Magħquda u lill-Fond tal-Popolazzjoni Dinjija biex ftit ftit, iżda b’ritmu konsistenti, jiġu indirizzati dawn l-isfidi li għandna quddiemna. Sfidi li ħafna drabi jkollna niffaċċjawhom minħabba nuqqas ta’ ħsieb, azzjoni u rispett lejn xulxin. 

Id-dinja hija “id-dar” tagħna, in-nies huma ħutna. Id-diskriminazzjoni, il-gwerrer u l-qirda ma jagħmlu ġid lil ħadd. Dan anke tfal jirraġunawh. B’potenzjal ta’ tmien biljun persuna, il-kwistjoni tal-popolazzjoni dinjija għandna ndawruha f’opportunità biex f’għaqda nimmassimizzaw il-potenzjal tagħna lkoll għal futur seren, san u mimli prospetti pożittivi. Mhux bil-kontra! 

Il-popolazzjoni dinjija tul is-snin:

  • 1804 – Biljun
  • 1927 – Żewġ biljuni
  • 1959 – Tliet biljuni
  • 1974 – Erba’ biljuni
  • 1987 – Ħames biljuni
  • 1998 – Sitt biljuni
  • 2011 – Seba’ biljuni
  • 2023 – Tmien biljuni
  • 2050 – 9.7 biljuni (ippoġettat)
  • 2100 – 10.4 biljuni (ippoġettat)

Sport