Thursday, December 26, 2024

Wimbledon: Ons Jabeur u Elena Rybakian fis-semi-finali

Aqra wkoll

Ons Jabeur (ritratt)  u Elena Rybakina għaddew għas-semi-finali tat-tournament tan-nisa ta’ Wimbledon wara li lbieraħ rebħu l-kwarti-finali tagħhom kontra Elena Rybakina u Madison Keys rispettivament.

Jabeur rebħet ir-ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra, u din id-darba pattiet għat-telfa kontra ċ-champion renjanti Rybakina f’logħba ta’ tliet sets assorbenti biex issa tinsab tarġa bogħod mit-tieni finali konsekuttiva tagħha f’SW19.

Is-sena li għaddiet, il-Kazakstana Rybakina rkuprat wara li tilfet l-ewwel set biex reb­ħet it-titlu. Din is-sena fuq is-Center Court, ir-rwoli ġew maqluba hekk kif Jabeur irkuprat milli tilfet is-set tal-ftuħ fuq tie-break.

Rybakina kienet l-ewwel barra mill-blokki, u stabbiliet vantaġġ ta’ 3-1. Madankollu, l-ewwel set spiċċa fi frustrazzjoni ovvja għal Jabeur, li għamlet set point fuq is-service tagħha stess, iżda mbagħad tkissret qabel ma spiċċat tilfet it-tie-break 7-5.

It-Tuneżina wieġbet billi rebħet l-ewwel seba’ punti tat-tieni set iżda qatt ma setgħet tagħmel biżżejjed ħsara fuq is-service tas-seed numru 3 biex tieħu l-kontroll, sakemm kissret fl-aħħar logħba biex ippareġġat il-konfront meta rebħet it-tieni set 6-4.

Ix-shots rebbieħa u l-intensità kienu qed joħorġu mir-rakketta ta’ Jabeur tant li marret 3-0 fuq quddiem fis-set deċiżiv. Rybakina ma kinitx f’burdata biex iċċedi l-kuruna tagħha, iżda Jabeur ma kinitx se tiġi mċaħħda, tant li ssiġillat ir-rebħa b’mod konklużiv, 6-1.

It-tieni seed, il-Belarussa Sabalenka għelbet lill-Amerikana Keys 6-2 6-4 biex żammet ħajja t-tfittxija tagħha biex tirbaħ l-ewwel titlu ta’ Wimbledon u tieħu post Iga Swiatek bħala numru wieħed tad-dinja.

Il-ħruġ ta’ Rybakina jfisser li hemm garantit li din is-sena jkun hemm champion tas-singles tan-nisa għall-ewwel darba.

Illum Jabeur se tilgħab kontra t-tieni seed Sabalenka meta din se tkun qed tagħmel ir-raba’ semi-finali konsekuttiva tagħha ta’ Grand Slam. 

Sabalenka kienet biss mhedda għal ftit żmien minn Keys meta, wara li daħlet mal-ewwel set, marret 4-2 fit-tieni, iżda l-isfida donnha ġegħlitha ssib tagħmir ieħor fil-livell diġà għoli tagħha.

Novak Djokovic għadda minn battalja qalila kontra s-seba’ seed Andrey Rublev biex żamm it-tentattiv tiegħu għat-tmien titlu tal-irġiel ta’ Wimbledon b’rekord ta’ ugwaljanza.

Is-Serb, li qed jimmira wkoll li jilħaq ir-rekord tal-Awstraljana Margaret Court ta’ 24 tit­lu ewlieni tas-singles, ssielet lura biex rebaħ 4-6 6-1 6-4 6-3 fil-kwarti-finali.

It-tieni seed Djokovic, ta’ 36 sena, se jil­għab kontra t-Taljan Jannik Sinner fl-aħħar erbgħa.

Sinner, ta’ 21 sena, wasal għall-ewwel semi-finali tal-Grand Slam tiegħu billi għe­leb lir-Russu, Roman Safiullin, 6-4 3-6 6-2 6-2.

B’kuntrast, Djokovic se jikkontesta s-46 semi-finali maġġuri – wara li qabeż ir-rekord ta’ kull żmien ta’ Roger Federer fil-kategorija tal-irġiel – meta l-koppja jiltaqgħu għada l-Ġimgħa.

Ekonomija

Sport