Sunday, November 24, 2024

Xavi se jkun il-coach ta’ Barcelona

Aqra wkoll

L-ex stilla ta’ Barcelona, Xavi Hernandez, se jieħu f’idejh ir-rwol ta’ coach tal-club b’Al Sadd jgħidu li qablu li jħalluh jin­għaqad mal-ġganti Spanjoli.

Il-club tal-Qatar qabel kienu qalu li l-coach tagħhom ta’ 41 sena mhux se jitħalla jitlaq.

Xavi, li lagħab 779 logħba u rebaħ 25 titlu ma’ Barca, kien qal pubblikament li jittama li “jmur id-dar” bħala coach ta’ Barca u li ftehim jista’ jintlaħaq. Al Sadd jgħidu li Barca ħallsu l-klawsola ta’ rilaxx fil-kuntratt ta’ Xavi li hija ta’ €5 miljun.

Ir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja u darbtejn rebbieħ tal-Kampjonat Ewropew, l-ex internazzjonali ta’ Spanja kien ħalla lil Barcelona għal Al Sadd fl-2015, l-ewwel kien ingħaqad mal-club bħala player.

Huwa ħa f’idejh it-team bħala coach ewlieni wara li rtira fl-2019 u wassalhom għar- rebħ tal-kampjonat fl-istaġun li għadda. Bħalissa huma jinsabu bla telfa f’36 logħba tal-kampjonat.

Il-club tal-Qatar fuq Twitter qal li Xavi “huwa parti importanti mill-istorja ta’ Al Sadd” u awguralu suċċess fil-futur.

“L-amministrazzjoni qablet dwar iċ-ċaqlieq ta’ Xavi f’Barcelona wara l-ħlas tal- klawsola tar-rilaxx stipulata fil-kuntratt,” stenna l-club fuq Twitter. “Aħna qbilna dwar kooperazzjoni ma’ Barcelona fil-futur.”

Mindu Barcelona keċċew lil Ronald Koeman fis-27 ta’ Ottubru, Xavi kien marbut ħafna ma’ ritorn fin-Nou Camp fejn qatta’ l-maġġoranza tal-karriera illustri tiegħu bħala player.

Barcelona jinsabu fid-disa’ post f’La Liga wara li rebħu biss erbgħa mill-11-il logħba tal-ftuħ tagħhom, li ħallewhom disa’ punti taħt il-leaders, Real Sociedad.

“Xavi għarrafna ftit jiem ilu bix-xewqa tiegħu li jmur Barcelona f’dan il-ħin partikolari, minħabba l-istadju kritiku li għaddej minnu l-club ta’ belt twelidu, u nifhmu dan tant li ddeċidejna li ma nfixklux fi triqtu,” qal il-kap eżekuttiv ta’ Al Sadd, Turki Al-Ali.

Dan l-istaġun il-club Katalan tħabat taħt pressjonijiet finanzjarji, u naqas milli jes­tendi l-kuntratt tal-ex sieħeb Xavi, Lionel Messi, minħabba restrizzjonijiet ta’ salarju.

Barcelona ma setgħux jonfqu flus fuq akkwisti ġodda fis-sajf, b’Memphis Depay, Sergio Aguero u Eric Garcia jaslu bħala aġenti ħielsa u l-attakkant Luuk de Jong ingħaqad b’self mingħand Sevilla.

Il-president ta’ Barca, Joan Laporta, qabel qal: “Dejjem għidt li xi darba Xavi se jkun il-coach ewlieni tagħna, iżda ma nafx meta.”

Sport