Wednesday, March 27, 2024

Snooker: Robertson jirbaħ wara li kien darbtejn fl-iżvantaġġ

Aqra wkoll

Iċ-champion tal-UK Championship, Neil Robertson, irkupra minn 2-0 u 3-2 minn taħt biex għeleb lil Mark Davis 4-3 u wasal sal-kwarti-finali tal-English Open li qed isir f’Milton Keynes.

L-Awstraljan Robertson jidher li ġej fil-forma qabel ma iktar tard dan ix-xahar jiddefendi t-titlu tal-UK Championship li huwa rebaħ wara finali epika kontra Judd Trump bl-iskor ta’ 10-9.

Kien Davis li ħa l-inizjattiva bikrija biex mar 2-0 minn fuq, qabel ma breaks ta’ 72 u 85 minn Robertson rawh jikseb id-draw 2-2. Imbagħad innegozjaw frames hekk kif il-logħba niżlet għall-frame deċiżiv, fejn kien Robertson li qasam il-linja tat-tmiem bi break ta’ 73.

Il-bieraħ fil-għaxija Robertson iffaċċja ripetizzjoni tal-kwarti-finali tal-Kampjonat tad-Dinja tal-istaġun li għadda kontra n-numru ħamsa fir-rankings, Kyren Wilson, li huwa tilef 13-8. Wilson wasal sal-kwarti-finali b’rebħa ta’ 4-1 fuq Robbie Williams.

Williams rebaħ it-tieni frame b’96-0 bi break ta’ 60 iżda fl-erba’ frames l-oħra ippottja 35 punt biss b’Wilson jagħlaq b’century break ta’ 102.

Ronnie O’Sullivan falla l-break massimu għal ftit fl-aħħar frame tar-rebħa tiegħu 4-0 fuq Jamie Clarke. Huwa deher li kien f’pożizzjoni li jmur għall-147 meta waqa’ barra mill- pożizzjoni fuq is-safra finali, u kellu jieqaf fuq 120. Ir-Rocket ikkompona wkoll breaks ta’ 123 u 54 fi triqtu lejn ir-rebħa.

Sussegwentement huwa ffaċċja lill-Belġjan Luca Brecel, li għeleb lil Fraser Patrick 4-2 f’logħba li fiha saru seba’ breaks, 101, 82, 64 u 70 minn Brecel u 66, 65 u 69 minn Patrick, tnejn minnhom, l-64 u l-65 wieħed kull wieħed fir-raba’ frame.

Judd Trump ibbukkja postu fil-kwarti-finali b’rebħa 4-1 fuq Ross Muir. B’hekk huwa garantit li se jiġi maqbuż minn Mark Selby fil-quċċata tar-rankings tad-dinja fi tmiem din il-ġimgħa, irrispettivament mir-riżultat.

Huwa pproduċa wirja mill-aqwa biex iwarrab lil Muir fejn wara li dan għamel break ta’ 70 biex rebaħ l-ewwel frame, Trump ħallih iħares b’erba’ breaks rebbieħa ta’ 81, 57, 104 u 62 biex kompla javvanza.

Trump iffaċċja lil Mark King fil-kwarti-finali wara li King kiseb il-passaġġ tiegħu b’rebħa ta’ 4-0 fuq iċ-champion Ingliż ta’ taħt is-16-il sena, Paul Deaville. King għamel breaks ta’ 68, 73, 58 u 72.

Anke John Higgins għadda għall-kwarti-finali b’rebħa ta’ 4-1 fuq iċ-Ċiniż, Ding Junhui, bir-rebbieħ ta’ 31 tournaments ranking qal aktar kmieni din il-ġimgħa li ħass li kien qed jilgħab l-aqwa snooker ta’ ħajtu. Huwa bena breaks ta’ surmast ta’ 80, 69 97 u 103 biex jiżgura r-rebħa.

L-avversarju tiegħu fl-aħħar tmienja huwa ċ-champion tal-Masters, Yan Bingtao, li rebaħ battalja tard ħafna kontra ċ-champion tad-dinja, Mark Selby, bl-iskor ristrett ta’ 4-3. L-arloġġ kien qed juri l-ħin tas-12.45 am meta Yan issiġilla l-frame deċiżiv fuq il-kuluri. Din hija l-ewwel rebħa tiegħu fuq Selby mill-Welsh Open tal-2017.

Ekonomija

Sport