Thursday, April 18, 2024

“Il-gvern qed jipprovdi l-għodod lil negozji żgħar u medji għall-qabża lejn operat diġitali”

Malta tingħaqad mal-bqija tal-Unjoni Ewropea għall-ġimgħa ddedikata lill-SMEs

Aqra wkoll

“In-negozji żgħar u medji ser isibu l-appoġġ meħtieġ mill-gvern sabiex jagħmlu l-qabża diġitali li ser tgħinhom biex ikabbru l-operat tagħhom kemm lokalment u internazzjonalment. Permezz ta’ diversi miżuri kontinwi, il-gvern qed jipprovdi l-għodod relevanti biex nassiguraw tranżizzjoni diġitali bla xkiel għan-negozji tagħna”, kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, fix-xahar li Malta ngħaqdet mal-bqija tal-Unjoni Ewropea biex tfakkar l-importanza tan-negozji żgħar u medji.

Matul l-aħħar ġimgħa ttellgħu bosta attivitajiet mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija flimkien ma’ numru ta’ entitajiet fosthom MIMCOL, Tech.mt, MDIA u anke bi sħab mal-Malta Employers Association. Fil-ġranet li ġejjin iżjed attivitajiet ser ikunu organizzati flimkien mal-Malta Business Registry, maċ-Chamber of Commerce u maċ-Chamber of SMEs.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Silvio Shembri qal li l-SMEs għadhom il-fibra tal-ekonomija Maltija u huma fil-qalba tad-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fil-viżjoni ekonomika ta’ pajjiżna sas-sena 2030, bil-għan li jkun hemm iżjed kollaborazzjoni bejn in-negozju u l-gvern.

Semma li n-negozji żgħar u medji wrew reżiljenza u innovazzjoni liema bħalha fiż-żmien diffiċli tal-pandemija, u nnota li dan kien żmien li wera aktar minn qatt qabel l-importanza li n-negozji jisfruttaw aktar l-aspett diġitali. Dan hekk kif id-diġitalizzazzjoni toffri opportunitajiet ġodda, tgħinhom jimirħu f’dinja aktar globalizzata, iżżid il-produttività u tgħinhom ikunu aktar kompetittivi.

“Bosta raw li jkunu innovattivi, tant li minnufih raw li jwaqqfu pjattaformi diġitali tagħhom u oħrajn welldu n-negozju tagħhom online, pass kuraġġuż li wassalhom għas-suċċessi tal-lum. Bħala gvern kontinwament naraw li ngħinu negozji żgħar u medji jadattaw għal din it-tranżizzjoni. Mill-aspett ta’ infrastruttura diġitali, Malta hija ma’ ta’ quddiem minn fost il-pajjiżi Ewropej, fattur li jattira bosta startups diġitali biex joperaw minn pajjiżna”, qal il-ministru.

Semma li d-diġital għandu jgħin biex jittaffu l-ispejjeż tal-operat filwaqt li jipprovdi lin-negozji ċ-ċans li jesploraw aħjar opportuntajiet ta’ swieq ġodda. “Irridu u ma rridux hemm bżonn nirrikonoxxu li għaddejjin minn rivoluzzjoni teknoloġika u l-isfida li se ġġib magħha se tkun fil-forma ta’ domanda kbira għall-ħiliet diġitali. Għalhekk li fid-dawl ta’ din l-isfida, fost l-oħrajn, li l-gvern nieda l-politika riveduta tiegħu għas-settur tax-xogħol. Fid-dawl ta’ dan, il-Ministeru għall-Ekonomija qed jirrevedi wkoll l-istrateġija diġitali ta’ pajjiżna”, żied il-ministru. 

Tkellem ukoll dwar il-miżuri li tħabbru fil-Baġit 2022 favur l-SMEs, fosthom it-titjib ta’ żoni industrijali li jagħtu spazju tajjeb lill-operat tan-negozji żgħar u medji. Kif spjega l-ministru, iż-żoni industrijali huma ta’ prijorità għal pajjiżna u beda l-investiment ta’ €470 miljun biex jiġu modernizzati. Dan l-investiment ser joħloq spazji industrijali ġodda mingħajr ma tintuża art ODZ. Il-Life Sciences Park; Kordin Business Incubation Centre; Ħal Far, Bulebel, Marsa, Kordin, San Ġwann u Ħal Luqa ser ikunu fost il-postijiet b’dan l-investiment sostanzjali. Il-gvern żied ukoll is-ceiling tad-dħul għas-self-employed jew għan-negozji żgħar li m’għandhomx bżonn jiġbru VAT, tejjeb it-tax brackets u naqqas it-taxxa fuq xogħol part-time.

“Dan kollu se jgħin biex ninkoraġġixxu aktar nies jistinkaw iżjed u fl-istess ħin ngħinu lin-negozji jkollhom iżjed persuni mħarrġa fl-aspett diġitali. Żgur li min-naħa ta’ dan il-ministeru, in-negozji se jsibu s-sostenn kollu li hemm bżonn kemm għal issa, iżda wkoll għall-futur”, ikkonkluda l-Ministru Silvio Schembri.

Ekonomija

Sport