Friday, April 19, 2024

Tmut id-debba li ġiet salvata mid-Dipartiment għall-ħarsien tal-annimali

Aqra wkoll

Id-debba Nellie, li fi ftit sigħat serqet il-qlub ta’ bosta persuni, sfortunatament mietet matul il-lejl.

Kien is-santwarju taż-żwiemel RMJ’s Horse Rescue li ħabbru dan dalgħodu hekk kif kienu qed jieħdu ħsiebha huma stess.

Id-debba ġiet salvata lbieraħ minn membri tad-Dipartiment għall-ħarsien tal-annimali wara li huwa mifhum li sidha kien qed iżommha f’kundizzjonijiet miżeri. Meta ġiet salvata, il-kundizzjoni tagħha kienet waħda kritika.

Fil-fatt, permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, l-RMJ’S Horse Rescue qalu li mir-riżultati li għamlulha kien jidher li kellha problemi bl-organi, fost l-oħrajn.

Is-santwarju taż-żwiemel qalu li l-unika konsolazzjoni tagħhom hija li matul il-perjodu qasir li hija għamlet magħhom, kellha nies li ħabbewha u li kienu lesti li jagħmlu dak kollu possibbli biex isalvawha.

Bosta kienu dawk li urew is-sogħba tagħhom għal din l-aħbar filwaqt li oħrajn esprimew ir-rabja tagħhom u staqsew x’qalb irid ikollha persuna biex tasal li taħqar annimali.

Sport