Wednesday, April 24, 2024

Impjegati irġiel messewlha sidirha… ġibdulha ċ-ċinga tal-bra u ġiegħluha toqgħod bilqiegħda fuq impjegat

... tirbaħ €12,000 għal tkeċċija inġusta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’każ xokkanti ta’ kif kienet trattata impjegata minn sħabha irġiel, irriżulta li hi kienet suġġetta għal kliem vulgari, oxxen, u anke riferenzi personali. L-inċidenti kienu eskalaw ukoll tant li kien hemm min messilha sidirha mill-inqas darbtejn jekk mhux tlieta, ġibdulha iċ-ċinga tal-bra  u anke ġiegħluha toqgħod bilqiegħda fuq impjegat minnhom.  F’deċiżjoni, li ingħata mit-Tribunal Industrijali hi rebħet kumpens ta’ €12,000 għal tkeċċija inġusta għalkemm it-Tribunal irrimarka fuq il-livell ta’ tolleranza li uriet il-mara u rrrimarka li “forsi din it-tolleranza kienet sostnuta minn żewġ fatturi, ma riditx ikollha l-inkwiet mar-raġel u l-impieg li kellha kien komdu għaliha għax ma ssuqx u l-post tax-xogħol kien qrib ħafna tad-dar tagħha.  

Il-każ jirrigwarda lil impjegata Mariella Mallia  li kienet taħdem ma’ Elmein Ltd.  L-impjegata allegat li  li l-kundizzjonijiet li fihom kienet qed taħdem, speċjalment l-attitudini u l-komportament ta’ impjegati sħaba kien tali, li kellha bilfors tibgħat ir-riżenja tagħha. Il-kumpanija ċaħdet  dan kollu u qalet li l-impjegata kienet tagħmel żbalji f’xogħolha. Il-kumpanija iddikjarat li  dejjem stmat l-impjegati tajjeb u saħansitra kienet ikkummissjonat Risk Assessment Report propju minħabba t-tqala ta’ din l-istess impjegata. It-Tribunal qal li ma ġiex mitlub li jiddeċiedi dwar fastidju sesswali għax kieku sar dan, it-Tribunal  ma kienx ikollu ġjurisdizzjoni f’dan il-każ. 

L-inċident bdew jeskalaw 

L-impjegata irrakkontat storja ta’ inċidenti li kienet soġġetta għalihom matul il-perjodu ta’ xogħol pjuttost qasir tagħha ma’ din il-kumpanija.  It-tribunal qal li  “l-inċidenti kienu ta’ natura sesswali, sessisti u addirittura b’użu fisiku. Kien jintqalilha kliem volgari, oxxen u anke riferenzi personali. L- inċidenti bdew jiskalaw. Minn kliem l-impjegati irgiel oħra ażżardaw għall-azzjoni. Kien hemm min messilha sidirha mill-inqas darbtejn jekk mhux tlieta, iġiegħluha toqgħod bilqiegħda fuq impjegat minnhom.  L-inċidenti mbagħad ħadu xeħta differenti u aktar minaċċjanti. It-tipjip li kien hemm f’dan l-ambjent kien ta’ theddid għas-saħħa ta’ din l-impjegata u l-kreatura li kienet qed iġġor fi ħdanha. Finalment ġara dak li l-ġurisprudenza Ngliża issejjaħ il-last straw principle meta l-kuxxin li kien fuq is-siġġu tagħha safa’ imxarrab bi fwieħa b’riħa qawwija li affettwatha ħafna fl-istat li kienet u t-tolleranza tagħha finalment ġiet superata. Ħaġa tal-iskantament hija n-nuqqas tagħha li tirrapporta lis-superjuri tagħha x’kien qed jiġri. Hi tgħid li s-superjur immedjat tagħha  kien ikun preżenti waqt ħafna mill-inċidenti jekk ma kienx ukoll parteċipi fihom. Hu jammetti li semmilha l-kelma “boobs” għad li jgħid li dik kienet l-unika darba li qal kliem doppju sens”.

It-tribunal jgħid li “ħassbet xi ftit it-Tribunal l-ittra ta’ riżenja. Tgħid testwalment li “Working at your office proved to be an experience for me for which I thank you”. Din id-diċitura tikkuntrasta ma’ dak li allegat bil-ġurament l-impjegata waqt is-smiegħ tal-każ. Intqal li l-kumpanija użat din l-ittra biex tattakka l-kredibilità ta’ din l-impjegata. It-Tribunal qal li ma għandhux spjegazzjoni iżda ċertament bl-ebda mod ma jqis li l-impjegata ma kinitx kredibbli u jqis bħala veritier dak li qalet.

It-Tribunal qal li l-aġir xejn korrett u degradanti tal-impjegati  uffiċjali kontra d-dinjità, il-ġeneru u l-istat ta’ gravidanza ta’ din l-impjegata spingewha biex titfa r-riżenja tagħha u tirreġistra l-fatt li din kienet tkeċċija sfurzata, kif stqarret. 

Hi qalet li  “imbagħad xħin bdejt nara l-atteġġjament min-naħa tagħhom u jiena wkoll saħħti bdiet sejra lura, ovvjament bdejt nirriskja saħħet it-tarbija wkoll u ma kelliex mod ieħor x’nagħmel, allavolja flus għandi bżonn u mpjieg imma jiena sforzatament kontra qalbi kelli, kelli nibgħat ir-riżenja”. It-Tribunal Industrijali iddeċieda li Mariella Mallia sofriet tkeċċija sfurzata u ordna l-kumpens dovut lil Mariella Mallia ta’ €12,000) li jrid jitħallas sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru 2021. 

Sport