Wednesday, July 24, 2024

XENEĠĠATURA OĦRA MILL-PN FIL-PARLAMENT

Aqra wkoll

Fil-Parlament, it-Tnejn li għadda, il-poplu Malti assista għal xeneġġatura oħra mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fejn għal darb’oħra ngħatat prova tal-arroganza li tirrenja f il-PN. Deher ċar iktar u iktar meta abbandunat id-dmir kostituzzjonali li għandha u ħarġet ’il barra mill-Parlament.

B’hekk reġgħet uriet li ma tirrispettax ruling ta’ Mr Speaker kull meta ma taqbilx miegħu. L-Oppożizzjoni riedet li l-Parlament jiġi aġġornat biex jiddiskuti l-inkjesta dwar l-isptarijiet. L-Ispeaker ma rax din l-urġenza u għalhekk m’aċċettax it-talba tal-Oppożizzjoni.

Il-poplu Malti lbieraħ seta’ jkompli jara u jifhem iktar li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mmexxija minn Bernard Grech, illum niżlet flagħar abbissi tal-politika Maltija. Sabet il-qiegħ u għax huwa hekk qed tipprova ssib ma xiex tqabbad difrejha.

Għalhekk qed taħseb li blgħajjat, bit-tixjir tal-idejn u b’diskorsi partiġġjani se tasal xi mkien. Għax l-ipokrisija ta’ xi wħud fil-PN u qribu ma tafx limitu. Qed jitolbu għall-publikazzjoni tal-inkjesta meta jafu li l-Prim Ministru kien diġà, l-ewwel wieħed, li ddikjara ferm qabel l-insistenza ta’ Bernard Grech, li l-inkjesta għandha tiġi ppubblikata.

U dan meta hemm min fil-PN li bil-provi, diġà jaf x’fiha l-inkjesta. Nistaqsu għalhekk, kif esponenti tal-PN u sezzjonijiet tal-midja suppost indipendenti diġà stqarrew li Muscat, Mizzi u Schembri huma msemmija fost dawk li se jiġu proċessati kriminalment! U dan meta l-istess inkjesta għadha ma ġietx pubblikata u għadha qed tistenna d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali.

Min jaf! Forsi għad ikollna tweġiba kif inkjesta delikata bħal dik tal-Maġistrat Gabriella Vella, li kif ġie rrapportat swiet mal-11-il miljun ewro, ġiet illikjata ferm qabel ma ngħalqet. Forsi wkoll għad insiru nafu kif kien hemm min li kien jaf eżatt il-ġurnata u l-ħin li l-Pulizija, b’rabta mal-inkjesta, kellha tagħmel rejd filgħodu kmieni fid-dar tal-eks prim ministru Joseph Muscat.

Mhux ta’ b’xejn li l-poplu qed jistmerr l-aġir aggressiv u sproporzjonat tal-PN u l-kap tiegħu. Huwa fatt li ħadd mhu se jċaħħad lil Bernard Grech u lill-partit tiegħu milli jikkritikaw b’mod serju lill-gvern. Id-demokrazija tagħna tgħallimna li dan huwa dritt fundamentali mogħti lill-Oppożizzjoni mill-Kostituzzjoni.

B’danakollu, il-poplu mhu se jaċċetta qatt u se jkompli jistmerr kull attentat aggressiv għal vendetta politika. Hekk jidher li l-politikanti tal-PN iridu vendetta politika. U dan nistqarruħ għax anki jekk kellna bis-serjetà nirriflettu ftit fuq id-diskorsi li sikwit isiru minn kelliema Nazzjonalisti, ma nsibu xejn għajr messaġġi li jiffomentaw aktar il-firda fost il-poplu.

U dan meta gvern qed jissielet mhux ftit biex jirbaħ fuq il-varji sfidi li bħalissa għandu quddiemu pajjiżna. Konvinti li anki f’dan il-każ tal-inkjesta maġisterjali, il-verità se tipprevali u se toħroġ f il-beraħ lil min instiga dan kollu. Imbagħad naraw jekk u kemm verament il-ġustizzja f’pajjiżna ma tħares lejn wiċċ ħadd.

Ekonomija

Sport