Nagħmlu tajjeb li ma naċċettawx b’għajnejna magħluqa kull ma nisimgħu dwar xi jkun għaddej fil-ħajja politika u ekonomika tan-nazzjon. Dan għax il-perspettiva li tingħata f’kull aħbar li taslilna tkun soġġettiva, influwenzata mill-interessi tal-partiti, tad-dipartimenti governattivi, tas-settur ekonomiku u tal-mezzi ta’ kumnikazzjoni li jwassluhielna. Mhux biss fis-sens ta min jara tazza nofsha vojta jew nofsha vojta; imma wkoll skond l-aġenda li jkun qed imexxi bil-prioritajiet li jkollu quddiemu.
Is-sens ta’ xettiċiżmu jservi biex wieħed jasal eqreb lejn il-fatti kollha kif inhuma tassew (biex ma ngħidux il-verità). Madankollu, ix-xettiċiżmu lanqas għandu jittieħed f’xi estrem, hekk li wieħed jispiċċa jara kollox griż jew iswed. Għax fil-verità ikun hemm affarijiet mexjin sew.
Kif naraha jien, din l-attitudni saret kruċjali fis-soċjetà tal-lum għax waqt li hemm numru mhux żgħir ta’ affarijiet li sejrin ħażin, hemm ukoll numru sostanzjali ta’ affarijiet oħra li sejrin tajjeb għal tajjeb ħafna. Tgħin biex inżommu sens ta’ proporzjon.
KARIKATURA
B’mod naturali l-partiti politiċi jistinkaw biex jipproġettaw stampa tal-avversarji tagħhom li tagħmel minnhom karikatura. Effettivament għas-segwaċi determinati tagħhom, l-avversarji hekk jitqiesu – f’termini ta’ karikatura. Biżżejjed taqra l-kummenti li jinkitbu fil-ġurnali online taħt l-artikli b’aħbarijiet jew kummenti politiċi biex tifhem dil-ħaġa.
B’ċertu mod, karikatura tal-avversarju tgħin biex messaġġ politiku jibqa’ iffokat u jiftiehem minn dawk li jappoġġjaw naħa. Biss imbagħad, tqanqal problemi meta wieħed ikollu jiġi biex jifhem kif se tiżvuluppa fil-prattika l-ħidma ta’ min ġie karikaturat. Pereżempju, sfida kbira bħalissa hi biex wieħed ibassar kif biħsiebu jaġixxi tassew Donald Trump meta jidħol fid-Dar il-Bajda. Kemm minn dak li “nafu” dwaru hu r-rifless ta’ karikatura?
INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI
Saret tissemma f’kull waqt. Fl-oqsma tal-kumnikazzjoni u tal-ħidma diġitali qed twassal għal riżultati li sa ftit taż-żmien ilu kienu jitqiesu bħala għeġubijiet. L-intelliġenza artifiċjali daħlet saħansitra fl-oqsma kreattivi tal-lingwi, tal-letteratura u tal-arti u se tkun qed tikkompeti mal-aqwa artisti tal-ġeneru uman.
Naqbel li hi wieħed mill-akbar benefiċċji moderni tal-umanità għal xogħol li jirrekjedi sforzi fiżiċi u intellettwali kbar u ripetittivi… jew id-disgħa u disgħin fil-mija tal-isforz meħtieġ f’kull invenzjoni: l-“għaraq” kien sejjaħlu Thomas Edison. Hu kompla jgħid li l-wieħed fil-mija tal-isforz jikkonsisti mbagħad fl-ispirazzjoni. L-intelliġenza artifiċjali tista’ tidħol f’dal-qasam tal-1 fil-mija? G
ħax jekk tista’, bil-faċilità li biha twettaq dak li jirrkejdi l-“għaraq”, se jkollha ferm aktar minn 1 fil-mija x’tiddedika għall-ispirazzjoni. Għad nistgħu naslu sal-punt fejn dak li toħloq b’ispirazzjoni, tant ikun avvanzat għalina l-bnedmin li nispiċċaw dominati mill-AI