Saturday, December 21, 2024

X’ĠARA FL-2021

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Ftit kien hemm dubju li din is-sena li waslet biex tispiċċa, bħal dik ta’ qabilha, kienet sejra tkun ddominata mill-Coronavirus. Però, b’differenza mill-2020, matul din is-sena, l-attenzjoni tal-media daret fuq il-‘ġlieda’ bejn il-vaċċini u l-Covid-19. 

Il-Coronavirus naqqas ħafna mill-attenzjoni tal-media internazzjonali fuq diversi avvenimenti oħra importanti li ġraw matul din is-sena. Biss, minkejja li dawn l-avvenimenti ma kinux irrappurtati bil-prominenza li kien jistħoqqilhom, xorta huma importanti ferm għall-andament tal-politika internazzjonali fis-snin li ġejjin.

Il-Coronavirus

Il-media internazzjonali kkonċentrat il-maġġoranza assoluta tar-riżorsi tagħha fuq ir-rapportaġġ tal-imxijiet il-ġodda tal-virus. Rajna pajjiżi bħall-Indja li kienu milquta ferm agħar mit-tieni mewġa tal-virus li ġrat fl-ewwel xhur ta’ din is-sena milli kienet intlaqtet mill-ewwel mewġa tas-sena l-oħra. Lejn l-aħħar ta’ Mejju li għadda bdew jiġu rrappurtati numri astronomiċi ta’ każi ġodda ta’ kuljum li fl-eqqel tal-imxija laħqu ċifri ta’ bejn in-nofs miljun u s-seba’ mitt elf każ. Kien hemm ġranet fejn ġew irrappurtati sa 10,000 mewt ta’ kuljum.

Fuq in-naħa l-oħra, pajjiżi bħall-Italja, li kienu ntlaqtu ħażin ħafna mill-ewwel mewġa tal-virus, din is-sena jidher li mmaniġġjaw il-virus ħafna aħjar. Strumentali għal dan is-suċċess Taljan, kien Mario Draghi li aktar kmieni din is-sena laħaq Prim Ministru minflok Giuseppe Conte.

Id-distribuzzjoni tal-vaċċin

Wara bidu kemmxejn kajman, wieħed jista’ jgħid li fil-maġġoranza tal-pajjiżi żviluppati d-distribuzzjoni tal-vaccin kienet waħda ta’ suċċess. Dan is-suċċess kien rifless l-aktar fit-tnaqqis tan-numru ta’ pazjenti infettati bil-virus li kellhom bżonn li jiġu rikoverati fl-isptarijiet. Kulħadd jiftakar kif in-numru ta’ nies li kienu qegħdin jiddaħħlu ġewwa l-isptarijiet qabel l-introduzzjoni tal-vaċċini kien qiegħed iwassal għall-ikrollar ta’ diversi servizzi tas-saħħa ta’ pajjiżi sinjuri.

Mhux l-istess jista’ jingħad għad-distribuzzjoni tal-vaċċin ġewwa l-pajjiżi fqar fejn skont il-WHO, it-tqassim tal-vaċċini sar mingħajr pjan ta’ xejn u f’numri verament żgħar.

Stejjer ta’ konfoffi u intriċċi 

Naturalment, dan in-nuqqas ta’ omoġenità fit-tqassim tal-vaċċini madwar id-dinja kompla jitfa’ ħafna ħatab fuq in-nar għal dik is-sezzjoni tal-media internazzjonali li matul din is-sena kienet qiegħda timbotta ħafna stejjer ta’ konfoffi relatati mal-virus. Fost dawn l-istejjer hemm dik li l-virus ġie mmanifatturat ġewwa laboratorju sabiex jikkontrolla l-popolazzjoni dinjija. Stejjer oħra li rajna fuq xi tabloids, spekulaw li l-virus ġie żviluppat ġewwa ċ-Ċina bl-iskop li jkisser l-ekonomiji tal-Punent. Dan l-argument qiegħed jiġi msaħħaħ biċ-ċifri ferm baxxi ta’ każi ġodda li qegħdin naraw bħalissa ġewwa ċ-Ċina, il-pajjiż li minnu ħareġ il-virus lura fl-2019.

Sadanittant, il-Coronavirus kompla jifred aktar minn qatt qabel liż-żewġ superpotenzi li bħalissa jiddominaw lid-dinja, jiġifieri l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Spikkaw ħafna rapporti fil-media internazzjonali fuq id-diversi battibekki li saru bejn il-Gvern Ċiniż u dak Amerikan, b’dan tal-aħħar jakkuża liċ-Ċina li falliet milli tikkontrolla l-imxija tal-virus meta dan feġġ fil-belt ta’ Wuhan. Min-naħa tagħha, iċ-Ċina kemm-il darba għajret lill-Amerikani bin-numru kbir ħafna ta’ mwiet li ġarrbet bil-virus li ħafna jsostnu li issa laħaq il-miljun ruħ. Ta’ min jgħid li skont il-Gvern Ciniż, iċ-Ċina tilfet biss ftit aktar minn 6,000 ruħ bil-virus.

Biden jieħu l-ġurament u aktar inkwiet għal Trump

Wara r-rebħa li kiseb fuq Donald Trump, lejn l-aħħar tal-2020, fl-20 ta’ Jannar, Joe Biden ħa l-gurament tal-hatra tiegħu bħala s-46 President tal-Istati Uniti. Bħala l-wegħda ewlenija tiegħu għall-ewwel term tiegħu, Biden għandu l-investiment ta’ aktar minn triljun dollaru għall-proġett massiv ta’ titjib fl-infrastruttura tat-toroq Amerikani, proġett li kif rajna f’artiklu preċedenti ġie fdat f’idejn Pete Buttigieg, li huwa ta’ dixxendenza Maltija.

Ftit jiem qabel il-ġurament tal-ħatra, l-Amerika ġiet umiljata quddiem id-dinja kollha meta numru mdaqqas ta’ sostenituri ta’ Donald Trump invadew il-Kungress Amerikan sabiex jippruvaw iħassru r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali li semmejna. 

Madwar xahar wara l-ġurament ta’ Biden, Donald Trump ġie meħlus mill-impeachment li kien dabbar lejn l-aħħar tal-2020 wara li kien akkużat li pprova jġiegħel lil xi politiċi mill-Ukrajna sabiex jippruvaw jagħmlu ħsara politika lill-familja ta’ Biden.

L-irtirata ta’ Biden mill-Afganistan

Minkejja li l-irtirata tat-truppi Amerikan mill-Afganistan kienet mibdija minn Trump, Joe Biden iddeċieda li jħalli lill-poplu Afgan f’idejn it-Talibani wara li l-Istati Uniti kienu ilhom 20 sena jiġġieldu gwerra sabiex tiddaħħal id-demokrazija ġewwa dan il-pajjiż. 

Wara ftit tal-jiem li ħadu l-poter, it-Talibani reġgħu daħħlu ħafna liġijiet li żgur mhumiex ta’ żminijietna u li ħafna minnhom jieħdu ħafna mid-drittijiet ta’ diversi ċittadini, l-aktar tan-nisa. Minn mindu ħadu l-poter f’idejhom, l-ekonomija tal-Afganistan ikkrollat għalkollox.

Is-Soċjalisti fil-gvern ġewwa l-Ġermanja

Wara 16 il-sena ta’ tmexxija Demokristjana, iddominata minn Angela Merkel, il-Partit Soċjal Demokratiku mmexxi minn Olaf Scholz rebaħ l-elezzjoni li saret f’Settembru li għadda. Wara xhur ta’ negozjati, Scholz ifforma koalizzjoni mal-Partit tal-Ħodor u mad-Demokratiċi ħielsa.

Scholz wiegħed li sejjer jibni numru sostanzjali ta’ residenzi ġodda għaż-żgħażagħ Ġermaniżi kif ukoll li sejjer jgħolli b’mod sinifikanti l-minimum wage.

Putin dejjem fuq l-offensiva

Kulma jmur, Vladimir Putin qiegħed iżid id-doza tar-ripressjoni fuq l-avversarji diretti u indiretti tiegħu. Rajnieh jitfa’ lil Alexander Navalny, l-aktar politiku b’saħħtu tal-oppożizzjoni, ġewwa l-ħabs fuq akkużi li ġew allegatament iffabrikati mill-gvern Russu. 

Ġew ukoll irrappurtati diversi kollaborazzjonijiet ta’ Putin ma’ Alexander Lukashenko, id-dittatur tal-Belarus sabiex dan iżomm postu fil-poter. Lukashenko allegatament qiegħed jittortura numru kbir ta’ ċittadini wara li dawn organizzaw diversi protesti matul din is-sena wara li skont huma Lukashenko rebaħ l-aħħar elezzjoni bil-qerq. F’artiklu ieħor konna rrappurtajna kif Lukashenko kien ġiegħel ajruplan sabiex jinżel ġewwa Minsk, il-kapitali, sabiex jarresta ġurnalist avversarju tiegħu.

Boris Johnson nieżel ‘l isfel

L-2021 ma tantx kienet sena tajba għal Boris Johnson u l-Partit Konservattiv Ingliż. Ir-Renju Unit waqa’ għaċ-ċajt quddiem id-dinja wara li kien hemm nuqqas kbir ta’ fjuwil ġewwa l-pompi tal-petrol madwar il-pajjiż kollu. Ħafna osservaturi politiċi sostnew li dan in-nuqqas kien riżultat tad-divorzju tal-Ingilterra mill-Unjoni Ewropea wara li dan wassal sabiex ħafna xufiera tal-bowsers mill-Unjoni li kienu jaħdmu ma’ kumpaniji Inglizi sabiex jitilqu mill-pajjiż. 

Il-popolarità ta’ Johnson kompliet tonqos riżultat ta’ numru ta’ skandli żgħar li laqtu l-istaff tiegħu, bl-aħħar wiehed ikun dak fejn numru ta’ nies minn tiegħu nqabdu jieħdu sehem f’festin ġewwa l-uffiċċju tal-Prim Ministru mingħajr maskri ta’ kontra l-Covid-19.

Numru ta’ elezzjonijiet importanti

Minbarra dawk tal-Istati Uniti u tal-Ġermanja li diġà semmejna aktar ‘il fuq, matul din is-sena saru numru ta’ elezzjonijiet oħra importanti madwar id-dinja. Tispikka dik li saret f’Ġunju li għadda ġewwa l-Iżrael li rat li Naftali Bennett jieħu post Benjamin Netanyahu bħala Prim Ministru. Saru wkoll elezzjonijiet ġewwa l-Kanada, fejn rajna l-konferma ta’ Justin Trudeau fit-tmun tal-pajjiż u ġewwa l-Iran, fejn rajna lil Ebrahim Raisi, politiku estremist Iżlamiku, jirbaħ l-elezzjoni Presidenzjali.

L-aktar ħaġa li ħarġet cara matul din is-sena hija li dik li konna nqisuha bħala n-normalità mhijiex sejra tiġi lura fil-futur qarib, jekk qatt terga’ tiġi. L-avvenimenti ta’ din is-sena wrew li rridu nadattaw ruħna għal realtà ġdida li wisq probabbli sejrin ikollna ngħixu fiha għal ħafna snin. Il-virus għadu qiegħed jevolvi sabiex jiġġieled il-vaccini. Żgur li ftit huma dawk li qegħdin ikunu ottimisti kif kienu ħafna fil-bidu ta’ din is-sena li jaraw is-sena 2022 bħala s-sena li fiha sejrin neħilsu mill-virus. Fil-fatt, l-ewwel xhur tas-sena l-ġdida żgur sejrin ikunu ddominati mill-varjant il-ġdid, l-Omicron.

Ekonomija

Sport