Sunday, November 3, 2024

X’għandna … x’m’għandniex … Nies bla dar (2)

Tikteb Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Ġimagħtejn ilu ktibt illi minkejja l-fatt li hemm wisq affarijiet li jogħġbuni f’Malta dak li l-iktar jogħġobni huwa  l-fatt li m’għandniex tallaba u nies bla dar.  Għedt ukoll illi, il-fatt li n-nies li jgħixu barra f’pajjiż isir illegali, hija l-vera soluzzjoni u daqstant ieħor nemmen li għandna niġu kkuppjati minn pajjiżi oħra Ewropej ferm ikbar minna. 

L-uniku pajjiż fl-Unjoni li m’ilux li daħħal liġijiet simili kien l-Ungerija u qala’ ħafna kritika fosthom minn għaqdiet non-governattivi li jaħdmu f’dan il-qasam.  Il-fatt li kien il-Prim Ministru Viktor Orban li introduċa tali miżuri ma għenx.  Il-liġi tal-projbizzjoni ta’ nies bla dar daħlet f’nofs l-2018.  Il-massimu ta’ kemm wieħed jista’ jeħel ħabs wara li jiġi ammonit 3 darbiet huwa ta’ 60 ġurnata.  

Billi l-projbizzjoni ddaħħlet għall-bliet, Orban ġie kkritikat ukoll li bagħat lil dawn in-nies fil-kampanja b’riskju ikbar li jmutu u b’inqas aċċess għall-karità.  Iżda interessanti wkoll li l-pajjiżi Ewropej l-oħra ftit li xejn qed jikkummentaw fuq l-impatt ta’ dan il-pass tal-Ungerija. Mill-istatistika tal-għaqdiet involuti ma jidher illi d-domanda u l-iffullar fiċ-ċentri ta’ akkoljenza żdiedu u allura hemm inqas nies fit-toroq.  50% ta’ dawn in-nies, skont stħarriġ annwali, għandhom problemi familjari u 25% problemi ta’ flus bħal li ma jlaħħqux mal-kera jew mas-self mill-bank u l-maġġoranza ma jixorbux alkoħol.

Huwa minnu li l-kuntest tal-Ungerija jista’ jkun differenti.  Imma l-individwu ma jistax isolvi din il-problema.  Lanqas għaqda waħedha jew diversi għaqdiet kollettivament.  B’miżuri rotba ebda pajjiż sħiħ ma rnexxielu.  L-għoti ta’ Eur10 jew servizz mediku b’xejn lil bniedem li jgħix barra t-triq mhix is-soluzzjoni.  Dawn in-nies jeħtieġu soluzzjoni dejjiema u mhux ta’ mument.  Iż-żegħil u l-ħniena mhux bilfors huma s-soluzzjoni tal-problema.

M’hemm l-ebda triq oħra ħlief li dawn in-nies ikunu responsabbiltà tal-istat. Speċjalment għaliex huma każijiet soċjali akuti. Iżda l-akbar problema għal individwu partikulari biex jgħin lil dawn in-nies huma l-liġijiet stess. Speċjalment tal-protezzjoni tad-data.

U huwa proprju hawnhekk li tista’ tidħol biss il-pulizija biex issolvi l-problema. Il-pulizija huma l-uniċi nies fis-soċjetà li għandhom 1. Is-setgħa tal-arrest, 2. Is-setgħa li jistaqsu għal informazzjoni personali dwar individwu, 3. Is-setgħa li jinvestigaw, 4. Aċċess għal ċertu bini pubbliku, 5. U n-nuqqas ta’ ubbidjenza tal-ordnijiet tal-pulizija hija reat fiha nnifisha.

Fil-lingwa ta’ kuljum il-kelma ‘arrest’ tidher kerha ħafna.  Iżda fil-verità arrest mhux detenzjoni. Biex il-pulizija jarrestaw kulma jridu jwaqqfu l-individwu fi triq, anke barra t-triq.  Hija kelma li ġejja mill-Franċiż: ‘arrêter’ u li tfisser sempliċement ‘twaqqaf’. Is-setgħa li tarresta għandu biss il-pulizija. Ebda ċittadin privat. Tant hu hekk, li jeżisti l-arrest illegali.

Bniedem li m’għandux is-setgħat elenkati hawn fuq ma jistax ikun jaf l-isfond tal-persuna u jekk il-persuna tagħtih l-informazzjoni, ma jistax jivverifikaha. U l-isfond veru ta’ persuna bla dar huwa l-bażi tal-attenzjoni li trid tingħatalha. Jekk il-persuna għandha problemi mentali ebda individwu privat ma jista’ jqabbadha t-triq it-tajba. U jekk qed tiġi mhedda minn kredituri bl-użura, ebda individwu ma jista’ jgħinha ħlief il-pulizija. Jekk il-persuna bla dar tgħid li hija minn pajjiż barrani, huma biss il-pulizija li jistgħu jivverifikaw il-fatti u li għandhom il-mezzi professjonali biex jagħmlu dan. 

Bħal f’elf xenarju ieħor, anke fil-każ tan-nies bla dar, minħabba l-ħażin jeħel it-tajjeb. U billi jiġu vverifikati ċ-ċirkustanzi li wasslu bniedem għal dan l-istat biss tista’ toħroġ il-ġenwinità o meno tal-persuna.  Jekk hemm bżonn tista’ tiġi kkuntattjata wkoll il-familja li tista’ tgħinu/ha. Għaqdiet filantropiċi li m’għandhomx aċċess għad-data jistgħu biss joqogħdu fuq li tgħid il-persuna. Barra minn hekk, ikunu qed jidħlu f’riskju personali u jistgħu jispiċċaw huma stess vittmi ta’ vjolenza, serq, frodi eċċ. 

U l-fatt li persuna bla dar jista’ jkollha l-libertà tagħha ristretta huwa wkoll interessanti. Ta’ min jgħid illi l-liġi Maltija ma titkellimx dwar priġunerija bħala kastig għal dawn in-nies. Il-priġunerija qiegħda hemm għal min ikkommetta reati kriminali oħra. Ta’ min jirrimarka però, li l-mentalità li min hu bla dar mhux kriminal hija erronja.  

Daqskemm ma nistgħux nassumu li  kull min hu bla dar mhux kriminal, daqstant ieħor li ma nistgħux nassumu li kull min huwa bla dar huwa innoċenti.  Fil-fatt  għal min jikser il-liġi tajjeb li tkun bla indirizz.  Il-fatt li xi ħadd ikun bla dar jista’ jkun opportunita’ biex wieħed jinħeba mill-pulizija billi ma jkollu ebda indirizz fiss. Hija tattika ta’ min irid jaħrab il-liġi wkoll.  Barra minn hekk, min huwa bla indirizz ma jistax jaħdem.  U min ma jaħdimx ma għandux flus.  U min ma għandux flus, jista’ jispiċċa fil-kriminalità biex imantni lilu nnifsu.

L-istess it-talb għall-flus.  Mhux direttament relatat ma nies bla dar. Però, il-fatt li m’għandekx indirizz ma jfissirx biss li ma tistax tiġi impjegat, imma wkoll li ma tistax tirċievi għajnuna tal-gvern.  U għalhekk l-uniku mod li jibqa’ għal tali nies huwa li jittallbu.  Il-fatt li  wieħed jippermetti n-nies bla dar, ifisser li qed jinkoraġġixxi wkoll it-talb għall-flus. Min-naħa l-oħra fejn il-persuna mhix bla dar (allura tista’ taħdem jew tirċievi l-benefiċċji soċjali) u tittallab xorta, jista’ jkun ukoll att frodulenti.  Att li bih mhux biss qed jabbużaw mill-ġenerożità ta’ nies li għandhom il-flus, imma wkoll li jwassal għall-impressjoni li kull min hu bla dar jew kull min jittallab huwa frodulenti (għal darb’oħra mal-ħażin jeħel it-tajjeb). 

Riskju ieħor intrinsiku tat-talb għall-flus huwa l-fatt li jekk persuna qed tgħix minnu ma jibqagħlhiex il-ħeġġa li tfittex xogħol. F’każijiet oħra, it-talb għall-flus jista’ jkun ukoll paraventu għal attività illegali kif il-persuna qed tagħmel il-flus.  

Għalhekk meta pajjiż jeqred u jattakka t-talb għall-flus qed jattakka wkoll il-fenomenu ta’ nies bla dar.

Aspett ieħor tat-talb u n-nies bla dar huwa l-fatt li jistgħu jiddisturbaw il-ħajja ta’ ħaddieħor jew saħansitra jimmolestaw nies oħra. Il-fatt li l-liġi Maltija tittratta l-fenomenu tan-nies bla dar bħala ‘kontravenzjoni kontra l-ordni pubblika’ jaċċenna proprju dan il-fatt.  

U l-liġi Maltija fil-verità ma tittrattax dawn il-fenomeni bħala reat imma bħala kontravvenzjoni.  Li nagħtu l-għodda lill-pulizija li jaħdmu f’dan il-qasam daqstant soċjali huwa fil-fatt aspett ta’ min japprezzah.  Il-pulizija stess illum il-ġurnata tixtieq tidher f’dawl differenti u m’hemm ebda mod ieħor kif nies lebsin l-uniformi jqattgħu l-ħin tagħhom fuq ix-xogħol ikellmu nies fil-bżonn u jippruvaw jgħinuhom.

Malta solviet il-problema ta’ nies jgħixu barra b’daqqa ta’ pinna meta għamlet it-talb tat-tallaba u n-nies jgħixu fit-toroq illegali.  Artiklu 338 (w) u (x) tal-Kodiċi Kriminali tal-Liġijiet ta’ Malta li jippermettu lill-pulizija tieħu r-riedni f’idejha sabiex taċċerta illi persuna ma tgħixx  ħajja ta’ għażż u ta’ vaganubdaġġ u 338 (x) tassikura li ebda persuna ma  timmolesta  n-nies  biex  titlob  il-karità għamlitna s-soċjetà li aħna u tatna s-serħan il-moħħ sabiex inkunu nafu min verament għandu bżonn l-għajnuna anke finanzjarja għal raġunijiet ġenwini u min le.

L-iskop ta’ dawn l-artikli mhux li nitkellmu fuq il-problemi li għandna Malta f’dan il-qasam.  Lanqas li niftaħru bina nfusna.  Imma li bħala Maltin nippruvaw inqajmu kuxjenza lil hemm minn xtutna biex xi ħadd jikkoppja l-mudell tagħna.  Kieku l-istati Ewropej, wieħed wieħed, jieħdu l-lezzjoni forsi fil-kontinent Ewropew kull bniedem xi darba jkollul saqaf fuq rasu.  L-istati l-kbar jeħtieġ huma wkoll jieħdu l-lezzjonijiet miż-żgħar.

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa 

Sport