Wednesday, July 24, 2024

X’ĦAREĠ MILL-KAMPANJA TAŻ-ŻEWĠ PARTITI

Aqra wkoll

Ix-xenarju politiku ta’ pajjiżna ilu għal għexieren ta’ snin, u hekk għadu sal-lum, iddominat miż-żewġ partiti l-kbar. Turija li l-elettur Malti, fil-mentalità tiegħu, aktarx li ma jara ebda sens jew li jagħti valur lill-partiti politiċi l-oħra.

Għalhekk, fix-xenarju l-kbir hemm il-Partit Laburista, progressiv u riformista b’ideali soċjalisti demokratiċi li sa mit-twelid tiegħu lgħan kien il-ġustizzja soċjali u l-imħabba lejn iż-żgħir, il-batut, il-fqir u l-ħaddiem.

Fuq in-naħa l-oħra tax-xenarju hemm imbagħad il-Partit Nazzjonalista, li kien konservattiv u baqa’ konservattiv minkejja li ta x’jifhem li huwa miftuħ għal kull faxxa tas-soċjetà u anke għall-ideat.

Dan rajnieh fil-mod kif aġixxa tul il-kampanja u anke bl-attakki li saru. Inbidlu nnies imma l-attitudni u l-ideat baqgħu l-istess. Għalhekk, id-differenzi li jiddistingwu bejn partit u ieħor huma kbar u komplew joħorġu fil-beraħ waqt il-kampanja elettorali li se tintemm illum għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew.

Dan rajnieh ukoll fis-surveys li saru tul il-kampanja fejn il-Partit Nazzjonalista ma kiseb l-ebda “inroads” u tista’ tgħid baqa’ fejn kien. Intant, il-Partit Laburista ħareġ bi pjan u proposti tanġibbli li jistgħu jitwettqu għal kull lokalità, sabiex iċ-ċittadini jkollhom ħajja dejjem aħjar li tagħti aktar serħan il-moħħ.

L-istess għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, imsejjes fuq il-valur tal-paċi u li l-interess ta’ Malta jiġi l-ewwel u qabel kollox. Wara kollox din hija l-vokazzjoni ta’ pajjiżna fl-isfera internazzjonali.

Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista ma offra ebda pjan, ebda strateġija u wisq inqas viżjoni ta’ x’ġejjieni jrid għal pajjiżna ħlief li fil-fuljett irqiq li ħareġ injora temi importanti bħalma huma l-immigrazzjoni, in-newtralità
u l-paċi u t-tassazzjoni.

Fi ftit kliem ħela l-ħin kollu li kellu f’din il-kampanja elettorali meta bbaża kollox fuq l-inkjesta tal-Vitals. Mill-bqija baħħ u skiet taqtgħu b’sikkina. Investa l-enerġija kollha tiegħu f’tgħajjir, attakki personali bla bażi u inġurji u wiegħed
gwerra qaddisa kontra l-Laburisti.

Għax meta f’istituzzjonijiet barranin tattakka lill-Gvern ta’ pajjiżek ma tkun qed tagħmel xejn ħlief tattakka lill-Malta stess. Dan kollu diġà rajnieh iseħħ u għaddejna minnu fil-ħames snin li għaddew meta fil-Parlament Ewropew ressqu 14-il petizzjoni kontra Malta.

Għalhekk issa huwa tajjeb li l-Maltin jirriflettu ftit aktar fuq dan kollu u kif għandu jivvota għax kif jgħidu, il-passat mera tal-futur. Ħadd mhu qed jgħid, jew tgħaddilu minn moħħu, li l-Gvern Laburista huwa perfett.

Żbalji għamel u bl-ikbar umiltà rranġa u kkoreġa fejn seta’ għamel ħażin. Għax hekk titlob l-etika u l-irġulija. L-appell tagħna jibqa’ dak li l-poplu Malti jaqdi l-obbligu demokratiku tiegħu u nhar isSibt li ġej, jum il-votazzjoni joħroġ jivvota għaliex il-vot huwa l-ikbar arma li biha l-poplu jkun jista’ jsemma’ leħnu.

Ekonomija

Sport