Ir-rapport finali tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia ħareġ bil-konklużjonijiet tiegħu. Taqbel jew ma taqbilx magħhom, jidher iżda li dan ħoloq xi kontroversji u anki dubji l-iktar fejn jisemma l-Kumitat tal-Investimenti tal-Malta Enterprise.
Madankollu, wara l-konklużżjonijiet tal-inkjesta pubblika, u minkejja xi ineżattezzi li jista jkun li fih ir-rapport finali, il-Gvern, filwaqt li stenna r-riżenji ta’ membri ta’ ċertu bordijiet, ikkommetta ruħu bis-sħiħ li jwettaq fi żmien qasir riforma sħiħa u l-bidliet meħtieġa kollha kif rakkomandat mill-istess Bord tal-Inkjesta Pubblika.
Fir-rapport konklussiv jissemma ripetutament il-Kumitat tal-Investimenti tal-Malta Enterprise. Iżda l-fatti juru b’mod ċar li l-bord tal-inkjesta filwaqt li ħass li l-proċess segwit mill-Kumitat tal-Investimenti speċjalment dwar l-għoti tal-art, ma kienx wieħed trasparenti kif tirrekjedi l-governanza tajba f’tali ċirkostanzi, dan dovut l-aktar għall-fatt li l-kumitat tal-Malta Enterprise ma kellux l-informazzjoni meħtieġa biex jassigura d-deċiżjoni tkun meħuda fl-aqwa interess tal-ekonomija ta’ Malta.
Irid jingħad li fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Investimenti tal-Malta Enterprise ma jkunx hemm biss il-membri tal-bord iżda wkoll membri tal-management. Fir-rapport tal-inkjesta dan il-fatt ma jissemmiex. Lanqas jissemma li fil-laqgħa li fiha ġie appovat il-proġett kien hemm preżenti wkoll seba’ membri tal-management li xogħlhom kien li jiggwidaw lill-Kumitat tal-Investimnti jasal għad-deċiżjoni t-tajba.
Wieħed irid jassumi wkoll li l-vot li ħa l-Kumitat tal-Investimenti kien ibbażat fuq l-informazzjoni li kellu anki jekk din setgħet ma kinitx kompluta. Prova t’hekk tirriżulta mill-fatt li ħadd mill-membri ma kien jaf x’passat kellhom l-applikanti tal-proġett. Jidher għalhekk li l-Kumitat tal-Investimenti kien taħt l-impressjoni li d-due diligence li saret kienet sħiħa u rigoruża. Kieku dawn il-fattu kienu magħrufa minn qabel, x’aktarx li l-applikazzjoni tal-proġett lanqas biss kienet tkun ikkunsidrata.
Barra minn hekk, il-bord tal-inkjesta enfasizza wkoll li l-applikanti ma kellhomx il-kapital meħtieġ biex jiffinanzjaw il-proġett, saħansitra qal ukoll li l-kapital kien wieħed baxxa. Dan l-argument ftit li xejn ireġi għaliex l-ewwelnett irid jitfakkar illi min ikun se jinvesti x’imkien, aktarx li ma jkollux il-kapital kollu mill-ewwel u ħafna drabi jirrikorri għal self mill-banek, kif skont l-applikazzjoni, kellhom jagħmlu.
U l-banek ma jisilfux flus bl-addoċċ. Qabel isellfu, il-banek jagħmlu skrutinju rigoruż dwar il-persuna jew persuni li jkunu se jissellfu l-flus mingħandhom u kif ħa jħallsu lura s-self mitlub. Dan ukoll joffri livell ieħor ta’ skrutinju tal-investiment li jkun proġettat.
Wieħed irid jiftakar ukoll illi meta saret l-applikazzjoni ħames snin ilu, il-prezzijiet ta’ dak iż-żmien paragunati mal-lum kienu ħafna u ħafna inqas. Il-preżżijiet tal-kostruzzjoni illum mhux biss splodew imma ttripiljaw. Għalhekk l-evalwazzjoni tal-kapital ta’ ħames ta’ snin ilu ma tal-lum m’hemm ebda paragun bejniethom. Anki jekk wieħed jifli r-Retail Price Index jinduna li l-aktar prezzijiet li jiżdiedu konsistentement huma dawk fis-settur tal-kostruzzjoni.
Fil-konklużjonijiet tagħha, l-inkjesta pubblika staqsiet ukoll għaliex il-Kumitat tal-Investimenti ikkunsidra proposta biex isir proġett ta’ manifattura tal-għamara meta dan is-settur kważi spiċċa għal kollox f’pajjiżna. Huwa veru li l-manifattura tal-għamara sofriet daqqa kbira bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea 20 sena ilu minħabba l-importazzjoni tal-għamara minn barra.
Madankollu, id-domanda għal snajja tal-mastrudaxxa fis-settur tal-kostruzzjoni baqgħet waħda kbira u konsistenti għaliex is-settur tal-mastrudaxxi huwa marbut sew mal-industrija tal-kostruzzjoni. Mhux dan biss imma setturi oħra wkoll bħalma huma l-plumbers, electricians, kaħħala, bajjada, u ħafna setturi oħrajn għandhom rabta qawwija mal-kostruzzjoni.
Fir-rapport jidher ukoll li l-bord tal-inkjesta insista illi dawk li applikaw għall-proġett ma kellhomx esperjenza. Hawnhekk ukoll, dan il-kumment tal-bord tal-inkjesta huwa x’aktarx dubjuż għal fatt li minn żmien għal żmien ikun hemm negozji li jiddeċiedu jidħlu f’setturi oħra li ma jkollhomx esperjenza dwarhom.
Dan l-aħħar, il-Gvern waqqaf Venture Capital Fund biex jgħin fl-iżvilupp ta’ ‘start-ups’ li ħafna drabi jkunu oriġinaw minn ideat u mhux minn esperjenza. Allura, dawn l-istart-ups m’għandhomx jiġu approvati u jiżviluppaw? Dan juri li xi konklużżjonijiet li wasal għalihom il-bord tal-inkjesta ma kienux jaqblu mar-realta’ tal-lum.
Anki l-art li fuqha kellu jinbena l-proġett ma kellha ebda influwenza fuq id-diżgrazzja taż-żagħżugħ Sofia. Kinitx art pubblika jew privata ma kienet se tagħmel ebda differenza. Kieku l-applikazzjoni tal-proġett saret fuq art privata u mhux fuq art pubblika xorta kien jiġri dak li ġara. Mela allura t-traġedja ma kellha ebda rabta u xejn x’taqsam jekk l-art kinitx art pubblika jew privata. Il-problema kienet ta’ min esegwixxa l-implimentazzjoni tal-bini tal-istruttura.
Diskrepanza oħra li ġiet innutati fir-rapport hija dwar xi xhieda li ssejħu mill-bord tal-inkjesta. Għaxf filwaqt li dehrlu li kellu jibgħat għaċ-ċerman u l-kap eżekuttiv ta’ xi entitajiet, fil-każ tal-Malta Enterprise, il-bord tal-inkjesta ma ħassx il-ħtieġa li jibgħat ukoll għad-deputat ċermen li huwa nnifsu jmexxi l-Kumitat tal-Investimenti meta dan seta jagħti aktar informazzjoni. Allura, jekk l-informazzjoni li ngħatat ma kinitx waħda kompluta, xi ħtija seta’ kellu l-Kumitat tal-Investimenti, li jiltaqa’ darba biss fix-xahar, fid-deċiżjoni li wasal għaliha?
Fir-rigward tal-Awtorita tas-Saħħa u s-Sigurta ukoll jidher li hemm skorrettezzi f’dak li jingħad fir-rapport. Il-bord tal-inkjesta m’għamilx distinzjoni netta bejn ir-rwol ta’ ċermen li jkollu poteri eżekuttivi u dak ta’ ċermen mhux eżekuttiv. Dan meta skont il-liġi, l-Awtorita tas-Saħħa u s-Sigurta’ hija bord konsultattiv u li ċ-ċermen attwali, il-perit David Xuereb, m’għandux irwol eżekuttiv. Kif allura l-bord tal-inkjesta ddeċieda li dan naqas milli jkun involut fix-xogħol ta’ kuljum tal-Awtorita meta l-liġi stess tipprekludieh milli jagħmel dan?
Fir-rigward tal-qrati wkoll irid jingħad li fl-aħħar ħames snin inbidlu erba’ maġistrati li jitrattaw każi ta’ saħħa u sigurta’. Dan il-qasam ukoll jirrekjedi esperjenza qabel ma persuna tingħażel u tingħata responsabbilta maġisterjali għat-tħaris tas-saħħa u s-sigurta. Għax hija assurdita’ li hemm każijiet li ilhom pendenti s-snin quddiem il-qrati.
F’każi bħal dawn, il-liġi ta’ Malta tesiġi massimu ta’ sentejn priġunerija fuq każ ta’ mewt. Din il-penali iżda qatt ma ġiet applikata u allura x’deterrent qed joffru l-qrati biex traġedji bħal ta’ Jean Paul Sofia ma jkunux ripetuti? Sentenzi ta’ priġunerija ma jingħataw qatt u minflok jingħataw sentenzi u penali ta’ xogħol fil-kommunita. Għandu jew le jkun hemm maġistrat b’esperjenza fuq dawn il-każijiet biex l-affarijiet isiru sew?
Dwar l-ispetturi tal-Awtorita tas-Saħħa u s-Sigurta r-rapport tal-inkjesta jikkonkludi li hija tal-mistħija kif l-ispetturi tal-Awtorita ma kinux kapaċi jaraw id-difetti li kien hemmn fl-istruttura tal-bini u li dawn l-ispetturi kellhom ikunu jew inġiniera ċivili jew arkitetti. Kieku sewwa li kien hekk imma dik m’hijiex ir-realta.
F’pajjiżna llum, waħda mill-akbar theddidiet li jeżistu fil-kamp tax-xogħol huma l-imwiet relatati mas-saħħa mentali, il-famuż “stress” fuq il-post tax-xogħol li qed iwassal saħansitra anki għal suwiċidji. Allura f’dawn il-każijiet, bir-raġunar tal-bord tal-inkjesta, l-ispetturi tal-OĦSA għandhom ikunu psikologi.
Barra minn hekk hemm setturi oħrajn fejn jeżistu ċertu riskji serji, bħal per eżempju s-settur tal-farmaċewtika u dak tal-manifattura. Hawnhekk wieħed jistaqsi, għal dawn l-oqsma, x’iridu jkunu u xi kwalifiki jrid ikollhom l-ispetturi tas-saħħa u s-sigurta, skont il-bord tal-inkjesta?
Quddiem dawn il-fatti kollha u minkejja li l-bord tal-inkjesta rrikonoxxa li l-Kumitat tal-Investimenti ġie żgwidat mid-due diligence li sar, b’danakollu xorta waħda nżamm responsabbli mill-istess bord tal-inkjesta. B’riżultat t’hekk, issa, kulmin qiegħed f’bord pubbliku se jaħsibha darbtejn meta jiġi biex jiddeċiedi fuq informazzjoni provduta mill-management għaliex xorta se jinżamm responsabbli.
Wieħed irid iżommu quddiem għajnejna ukoll li ħaddiem żagħżugħ ħareġ mid-dar għax-xogħol u ma reġax daħal lura. Għalhekk kien importanti f’dan il-każ li saru inkjesti, kemm maġisterjali u kemm pubblika.
Jidher ċar ukoll li l-kaġun ewlieni għad-diżgrazzja ta’ Sofia kien dovut għat-tkabbir mgħaġġel u robust tal-ekonomija li s-settur tal-kostruzzjoni ma kienx imħejji tajjeb għalihom b’regolamenti, ‘standards’ u liġijiet adattati għaż-żmien tal-lum. Dan speċjalment meta daħlu daħlu fl-industrija tal-kostruzzjoni kuntratturi u ħaddiema bla esperjenza jew ħiliet meħtieġa.
Mill-banda l-oħra, ma nistgħux ma ninnutawx ukoll li diversi rakkomandazzjonijiet li għamlu l-qrati matul iż-żmien, anki għexieren ta’ snin ilu, dwar każijiet u traġedji oħra fis-settur tal-kostruzzjoni baqgħu ma ġew implimentati qatt u tħallew għat-trab fuq l-ixkaffa.