Tuesday, April 23, 2024

XI JFISSER L-ANZJAN ATTIV GĦALIJA

Aqra wkoll

B’persuna minn kull disgħa fid-dinja diġà għandha 60 sena jew aktar, u b’din iċ-ċifra mistennija titla’ għal persuna minn kull ħamsa sas-sena 2050, l-anzjanità hija fenomenu li ma jistax ikun injorat aktar u Malta mhix xi eċċezzjoni. 

Malta hija msejħa tindirizza din l-sfida. F’dan il-process però, m’għandniex inħarsu lejn in-numru dejjem jiżdied ta’ persuni akbar fl-età bħala piż fuq l-iskemi attwali ta’ ħarsien soċjali, ir-realtà li l-popolazzjoni Maltija qiegħda tgħix aktar fit-tul hija għajn ta’ ċelebrazzjoni u opportunità biex nifhmu l-importanza tal-anzjanità attiva. Tassew, l-anzjani huma ġawhar fis-soċjetà lokali. L-esperjenza u l-għerf li jħaddnu, huma essenzjali għall-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada. 

L-istampa sterjotipata ta’ nies akbar fl-età bħala persuni passivi li jbatu minn dgħufija fiżika u mentali, għadda żmienha. Aktar ma jkun hemm nies li jibqgħu fuq tagħhom u b’saħħithom għal aktar snin, aktar se jkomplu jkollhom rwol importanti fis-soċjetà saħansitra wara l-età statutorja tal-waqfien mix-xogħol. Jekk wieħed kellu jqis ix-xejriet fl-infiq, il-ħlasijiet ta’ taxxi, il-ħidma volontarja, u r-responsabbiltajiet ta’ ħarsien li jagħtu nies ta’ età akbar, isib li dawn jikkontribwixxu ħafna iżjed milli fil-fatt jirċievu f’pensjonijiet, u f’servizzi soċjali u f’dawk tas-saħħa. Anzjanità attiva tfisser ukoll opportunità għall-komunità kummerċjali peress li n-numru jiżdied ta’ persuni ta’ età akbar, jġib miegħu firxa akbar ta’ klijenti u swieq innovattivi, kif ukoll bażi usa’ ta’ persuni akbar fl-età disposti li jkollhom impjieg. 

Kien għalhekk li l-gvern dejjem tenna fuq l-importanza tal-anzjanità attiva. Dejjem ħares lejha bħala parti essenzjali mill-politika ewlenija tiegħu dwar il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà. Kien għalhekk li kif l-Partit Laburista ha t-tmun tal-pajjiż f’idejh, ħadem fuq Politika Strateġika Nazzjonali għal Anzjanità Attiva: Malta 2014- 2020 li permezz tagħha mar kontra l-istatus quo billi nqata’ mill-pożizzjoni tradizzjonali li torbot it-tielet parti tal-ħajja ma’ instabbiltà fiżika u mentali, u minflok għażel li jistinka biex ikun hawn ċelebrazzjoni tal-ġenerazzjonijiet akbar bħala riżors imprezzabbli u produttiv li ma jkunx imxekkel minn ideat u metodi skaduti. Kien għalhekk li l-Budgets li ppreżenta l-gvern tul dawn l-aħħar snin kellhom fost il-miri prinċipali tagħhom l-objettiv illi jistimulaw l-anzjanità attiva. 

Kien għalhekk li tul il-vjaġġ politiku tiegħi, dejjem sħaqt fuq iċ-ċentralità tal-anzjani fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiż. Dejjem emmint f’soċjetà għal kull età li tippermetti diversi ġenerazzjonijiet illi jinvestu f’xulxin u jaqsmu l-benefiċċji ta’ dak l-investiment. Dejjem emmint f’soċjetà li fiha r-rispett, ugwaljanza, indipendenza, parteċipazzjoni, kura tas-saħħa, sodisfazzjon personali u d-dinjità tal-anzjani tiġi segwita dejjem.

Dejjem emmint li l-anzjani se jkunu strumentali fit-tfassil tas-soċjetà ta’ għada. Dejjem sħaqt li gvern m’għandux ikun kuntent b’li sempliċiment jipprovdi servizzi soċjali u servizzi tas-saħħa għal persuni ta’età akbar, iżda għandu jaspira lejn politika li ttejjeb ir-rati ta’ inklużjoni soċjali u parteċipazzjoni ferm lil hinn mill-età statutorja tal-irtirar. Din il-politika tgħinna nħarsu ’l quddiem lejn soċjetà li fiha kull persuna akbar fl-età jkollha l-mezzi biex tibqa’ taspira li tilħaq l-għanijiet kollha tagħha. 

Kien għalhekk li fis-snin li għaddew introduċejt inizjattivi bħal “e-Anzjan”, “LEARN IT” u “Tablet by the Bed”. Kien għalhekk ukoll li riċentament introduċejt il-proġett tal-eME. L-eME huwa mmirat biex jien nagħti s-sehem tiegħi fit-tielet distrett permezz ta’ taħriġ b’xejn għall-anzjani, adulti, żgħażagħ u tfal ġewwa ċ-ċentru taż-Żejtun.

Kien għalhekk ukoll li dejjem sħaqt fuq l-importanza taċ-ċentri għall-anzjanità attiva mifruxin ma’ Malta kollha fir-rwol tagħhom għall-attivitajiet varji bħal ħarġiet kulturali, sessjonijiet ta’ Yoga u Tai-Chi, Line Dancing u diversi attivitajiet oħra.

Kien għalhekk li kont u għadni nappoġġja inizjattivi li qed isiru f’uħud miċ-ċentri ta’ qari onlajn b’kollaborazzjoni mal-Malta Libraries. Kien għalhekk ukoll li appoġġjajt bis-sħiħ l-investiment ta’ €350,000, fl-ewwel pixxina terapewtika fil-blokok il-ġodda ta’ San Vinċenz de Paul – servizz ġdid li flimkien ma’ gymnasium, se jkunu qed jikkumplimentaw in-numru ta’ servizzi offruti lill-anzjani f’din ir-residenza. 

Din hija l-Malti li dejjem aspirajt għaliha. Din hija l-Malti li dejjem ħlomt li ngħix fiha. Malta inklussiva. Nazzjon fejn l-anzjan huwa attiv, huwa relevanti, huwa essenzjali għall-ġenerazzjoni ta’ għada u huwa strumentali fit-tfassil fil-Malta ta’ għada. Malta fejn jien nista’ nikkontribwixxi fl-iżvilupp attiv u ħaj tal-anzjan li tant huwa għal qalbi. 

Sport