Saturday, May 4, 2024

X’INĦALLU WARAJNA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-kontroversji dwar l-ambjent huma wkoll minn ċerta perspettiva, kontroversji dwar x’se nħallu warajna. Ħafna mill-bidliet isiru għal żmienna u fi żmienna, imma l-biċċa l-kbira jibqgħu irreversibbli. Dan narawh sew mir-ritratti qodma tal-ambjent Malti u Għawdxi, fl-ibliet u fl-irħula, kif ukoll fil-pajsaġġ. Impossibbli ġġib lura lill-bliet u l-kamanji lura għal li kienu fl-imgħoddi. 

Uħud mill-bidliet żgur ħadd ma jkun irid ireġġagħhom lura. Fejn jidhru l-ħmieġ, il-faqar u l-għakkarija il-progress kien meraviljuż. Fejn il-kampanja u l-kosta ttieklu għal kollox bil-bini u t-toroq, qisna tlifna wirt idilliku u bdilnih ma’ geġwiġija kerha. 

Għal ħafna minnha, anke ta’ età żgħira, lanqas hemm bżonn iddur għar-ritratti biex tkejjel il-bidliet li seħħew. Nistgħu niftakru mill-esperjenza stess tagħna x’kien hemm qabel. L-agħar hu li r-rata li biha qed iseħħ it-tibdil ambjentali baqgħet titqawwa u anke l-iskala tiegħu. Donnu li ma tantx jimportana minn dak li se nħallu warajna.

REFERENDUM

Ħlief f’ċirkostanzi speċjali u għal raġunijiet tassew eċċezzjonali, dejjem ħassejt u fissirt xettiċiżmu qawwi lejn l-użu tar-referendum bħala għodda politika biex tara x’tassew jixtiequ l-popli. Dan għax fl-organizzazzjoni tiegħu, fil-mod kif jitfasslu l-mistoqsijiet li jitpoġġew għall-vot, fil-ħsieb li għażliet komplikati jistgħu jiġu riżolti b’iva jew le u fil-mument li jintgħażel biex jittellqu, il-marġini għall-manipular tal-kotra hu enormi.

Terġa’ fl-Ewropa fl-aħħar deċennji, instab mod interessanti kif ir-referenda isiru aktar għodda ta’ manipulazzjoni. Bħal ma ġara fl-Irlanda, meta referendum ma jwassalx għar-riżultat mixtieq, jerġa’ jsir wara ċertu żmien… u jgħaddi. Jew inkella bħal ma ġara fi Franza u l-Olanda, il-kontenut tiegħi jiġu mibdul bi ftit u jidħol fi trattat ġdid iffirmat bejn stati.

Proposti li saru għal bidlet fit-trattati Ewropej marbuta ma’ ġdid tar-referendum iqanqluli suspetti kbar.

BAĦAR U JOTTIJIET

Jekk wieħed mir-riżorsi ewlenin ta’ Malta hu l-baħar, għandna nużawh għal ħidma ekonomika li toħloq l-impjegi u tqallagħna l-flus? Pajjiżi oħra jużaw ir-riżorsi naturali tagħhom biex jipprovdi mezz kompetittiv għall-iżvilupp tal-ekonomija tagħhom. Kulħadd jagħmel hekk.

Jekk Malta tagħmel bħal ħaddieħor, u tara kif mill-baħar li jdawwarha, toħloq attivitajiet li jrendu, sa fejn għandha twassal dan? Żgur li sa punt fejn l-ambjent naturali ma jispiċċax meqrud jew imqagħbar. Biss imbagħad, kif se jinstab dal-punt? Skont xhiex se jiġi mkejjel? Il-ħtieġa li l-Maltin jibqgħu jgawdu kull pulzier tal-kosta tagħhom ħalli jgħumu? Il-ħtieġa li l-ebda biċċa tal-kosta barra l-portijiet il-kbar ma tinbena?

Xieraq li jsiru mistoqsijiet hekk wara li l-gvern ressaq proposti biex jiżviluppa aktar l-infrastruttura għall-jottijiet il-kbar.

Sport