Wednesday, December 25, 2024

X’INHU MISTENNI FIL-BUDGET TAL-LUM?

Aqra wkoll

Il-budget li se jkun ippreżentat illum mill-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana għandu sinjifikat partikolari. Għal darba oħra se jkun Budget li qed isir fi sfond ta’ pressjonijiet internazzjonali, fosthom is-sitwazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna u issa bil-kunflitt li għaddej fil-Lvant Nofsani. Minkejja dan kollu, il-Gvern Malti baqa’ jwieżen lill-familji u n-negozji, billi kompla jżomm il-wegħda li jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, u għalhekk offrielhom stabbilità u ċertu serħan il-moħħ mhux biss għall-preżent imma anke għaż-żmien li ġej.

Minħabba t-track record ta’ dan il-Gvern, li budget wara l-ieħor kompla jwieżen lill-familji u lin-negozji mingħajr l-introduzzjoni ta’ ebda taxxi ġodda, nemmnu li l-budget tal-lum se jkompli miexi f’din id-direzzjoni u b’hekk ikompli jsostni lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna b’inċentivi biex kemm jista’ jkun ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. 

Dan jikkonferma dak li ta fl-ewwel indikazzjonijiet tiegħu l-Ministru Caruana, meta qal li dan se jkun budget ieħor espansjonarju, fejn il-Gvern se jkun qed joħroġ aktar milli jdaħħal. Ta’ min wieħed jgħid li l-mudell ekonomiku li l-Gvern adotta fl-aħħar snin serva tajjeb lill-pajjiż. 

Madankollu, billi l-ekonomija hija xi ħaġa dinamika, il-mudell ekonomiku jista’ jiġi aġġornat skont ir-realtajiet u ċ-ċirkostanzi tal-mument. Aħna nemmnu li l-Gvern lest jagħmel dan meta tinħass il-ħtieġa. Minkejja l-kritika ta’ ċertu individwi, fejn saħansitra kien hemm min iddeskriva s-sejħa tal-bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid bħala ċertifikat ta’ falliment, tajjeb li niftakru x’kien jiġri fi żmien amministrazzjonijiet nazzjonalisti.

Sa ftit tas-snin ilu, kellna Gvern Nazzjonalista li budget wara l-ieħor kien jintroduċi taxxi ġodda u dan mingħajr ma jgħin biex l-ekonomija tal-pajjiż tkompli tikber. M’għandniex għalfejn immorru daqshekk ‘il bogħod f’dik li kienet daret bħala ċajta fejn sa ftit jiem qabel il-budget kellek dawk li se jibdew jistaqsu x’film tal-biża’ kienu se jaraw fil-jum tal-budget bir-risposta tkun l-istess tħabbir tiegħu. 

Illum, ir-realtà qed turi xorta oħra billi ċ-ċittadin se jħarsu lejn din il-ġurnata bħala waħda li fiha jaraw x’għajnuniet ġodda dan il-Gvern se joffrilhom għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Minn inizjattivi bħal dawk li huma għajnuniet għax-xiri tal-ewwel proprjetà tagħhom, li sservi ta’ spalla kbira għaż-żgħażagħ, sal-pensjonanti li qed igawdu min żieda wara l-oħra taħt dan l-istess Gvern.

Dan kollu juri r-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern li jħares dejjem li jgħin lil dawk li jinsabu fl-iktar faxxa baxxa tas-soċjetà filwaqt li jippremja l-bżulija u jinċentiva lil dawk b’ideat ġodda.

Fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu li l-budget tal-lum se jkun wieħed li jiggarantixxi kwalità ta’ ħajja b’inizjattivi f’diversi oqsma li se jkomplu jgħinu lil kulħadd biex jitla’ l-iskaluni soċjali tiegħu. 

Ekonomija

Sport