Friday, October 11, 2024

Xiri ta’ oġġetti mingħand individwi

Aqra wkoll

Fl-era diġitali tal-lum, qed isir dejjem aktar komuni għall-konsumaturi li jixtru oġġetti mingħand bejjiegħa privati li m’humiex bejjiegħa professjonali. Dan it-tip ta’ xiri ħafna drabi jsir permezz ta’ swieq onlajn u pjattaformi tal-midja soċjali. Filwaqt li dan ix-xiri għandu numru ta’ benefiċċji għall-konsumaturi, bħall-iffrankar ta’ flus, madankollu, huwa importanti li l-konsumaturi jkunu konxji tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom fi tranżazzjonijiet bħal dawn.

Dritt legali importanti ħafna li l-konsumaturi għandhom meta jixtru oġġetti minn swieq onlajn, huwa dak għal informazzjoni trasparenti u preċiża dwar il-bejjiegħa. B’mod partikolari, l-konsumaturi għandhom dritt li jkunu jafu jekk hux qed jixtru mingħand individwu jew bejjiegħ professjonali. Hija r-responsabbiltà legali tal-pjattaforma diġitali li tipprovdi din l-informazzjoni lill-konsumaturi.

Din id-distinzjoni hija importanti għaliex il-bejgħ privat mhuwiex regolat mill-liġijiet tal-konsumatur. Għax-xiri onlajn dan ifisser li l-perjodu ta’ rtirar ta’ 14-il jum ma japplikax. Barra minn hekk, jekk il-prodott mixtri jirriżulta difettuż, ix-xerrejja ma jistgħux ifittxu l-għajnuna tal-awtoritajiet tal-konsumatur biex isolvu t-tilwima iżda jkollhom jieħdu azzjoni legali indipendenti. 

Ladarba l-konsumaturi jkunu jafu li l-bejjiegħ huwa individwu, huwa importanti li jieħdu ċerti prekawzjonijiet.  L-ewwel nett, ix-xerrejja għandhom jagħmlu ftit riċerka dwar it-tip ta’ prodott li għandhom bżonn jixtru u l-valur tas-suq tiegħu.

Aktar importanti minn hekk, ir-riċerka għandha ssir ukoll dwar ir-reputazzjoni tal-bejjiegħ billi fejn possibbli jiġu ċċekkjati ‘reviews’ minn xerrejja preċedenti. Bejjiegħa b’’reviews’ ħżiena għandhom bla dubju jiġu evitati. Ladarba ssir ir-riċerka li jkun hemm bżonn fuq il-bejjiegħ u l-prodott għall-bejgħ, il-konsumaturi huma avżati biex jużaw metodi ta’ ħlas siguri. It-trasferimenti diretti tal-flus għandhom jiġu evitati. Barra minn hekk, ix-xerrejja għandhom jitolbu li jintuża servizz postali traċċabbli.

Peress li l-oġġetti mixtrija minn bejjiegħa privati normalment jinbiegħu bħala ‘tale quale’, qabel ma jikkonfermaw ix-xiri, ix-xerrejja huma avżati li jitolbu lill-bejjiegħa biex jindikawlhom id-difetti li għandhom l-oġġetti. Huwa wkoll rakkomandabbli li tinżamm evidenza ta’ kull komunikazzjoni li ssir mal-bejjiegħ bħala evidenza. Ix-xerrejja għandhom ukoll jagħtu attenzjoni partikolari għad-deskrizzjoni tal-oġġett mill-bejjiegħ.

Jekk pereżempju, xerrej ikun interessat li jixtri apparat elettroniku jew biċċa għamara u dawn ikollhom xi danni viżibbli, jekk dawn id-danni jissemmew mill-bejjiegħ fid-deskrizzjoni tal-prodott jew kienu viżibbli fir-riklamar li jkun sar tal-prodott, f’dan il-każ ix-xerrejja m’għandhomx bażi legali sabiex jikkanċellaw il-ftehim tal-bejgħ jew jitolbu rifużjoni tal-flus imħallsa.

F’każ li l-bejjiegħ ikun lokali, idealment ix-xerrejja għandhom l-ewwel jitolbu biex jaraw u jispezzjonaw l-oġġett għall-bejgħ qabel ma jikkonkludu x-xiri. Barra minn hekk, ix-xerrejja għandhom jiżguraw li jingħataw irċevuta tal-ħlas u li jkollhom id-dettalji ta’ kuntatt tal-bejjiegħ fil-każ li jkollhom bżonn jikkuntattjaw lill-bejjiegħ dwar problemi li jiltaqgħu magħhom bil-prodott mixtri.

F’sitwazzjoni fejn il-bejjiegħ privat jirriklama prodott għall-bejgħ li għadu kopert minn garanzija kummerċjali valida, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dokument tal-garanzija. Qabel ma jikkonkludu x-xiri, ix-xerrejja huma avżati biex jiċċekkjaw li l-garanzija tista’ tiġi trasferita lil sidien oħra. Jekk iċ-ċertifikat tal-garanzija ma jinkludix klawżola speċifika li tipprojbixxi t-trasferiment tal-garanzija, dan ifisser li kwalunkwe sidien sussegwenti tal-prodott jistgħu jibbenefikaw mill-garanzija sakemm tiskadi.

F’sitwazzjonijiet fejn oġġetti mixtrija mingħand individwi jirriżultaw li jkollhom difett moħbi mhux imsemmi mill-bejjiegħ qabel ma ġie konkluż il-bejgħ, ix-xerrejja jistgħu jkunu intitolati li jitolbu rimedju jew kumpens. Madankollu, huwa importanti li x-xerrej ikollu fil-pussess tiegħu dokumentazzjoni li turi li l-oġġett mixtri kien deskritt b’mod qarrieqi mill-bejjiegħ.

Fi kwalunkwe każ, l-ilment għandu l-ewwel jiġi indirizzat lill-bejjiegħ u kull komunikazzjoni għandha ssir bil-miktub. F’din il-korrispondenza, il-bejjiegħ għandu jkun infurmat dwar il-problema u s-soluzzjoni li x-xerrej qed jistenna. Jekk il-bejjiegħ privat ma jkunx lest li jsolvi l-problema, allura x-xerrejja jridu jqisu l-valur tal-prodott u jekk jaqbilx li jipproċedu legalment kontra l-bejjiegħ. 

Ix-xiri ta’ oġġetti mingħand individwi jista’ jkun esperjenza ta’ xiri pożittiva  peress li dan it-tip ta’ xiri jipprovdi lix-xerrejja l-possibbiltà li jixtru l-oġġetti li għandhom bżonn bi prezzijiet orħos. Madankollu, jeħtieġ ukoll li x-xerrejja joqgħodu attenti li ma jingidmux. 

Sport