Xjenza Malta nediet il-Programm ta’ Riċerka Transdixxiplinari (TRP) il-ġdid tagħha waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Planetarium ta’ Esplora. L-inizjattiva l-ġdida ta’ finanzjament hija mfassla biex tħaffef l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi u tad-dinja reali għal uħud mill-isfidi soċjetali u ambjentali ta’ Malta.
Il-programm jintroduċi mudell ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni, u jlaqqa’ flimkien l-akkademja, l-industrija, il-gvern u s-soċjetà ċivili permezz ta’ struttura ta’ konsorzju bbażata fuq il-mudell tal-quadruple helix. Kull proġett iffinanzjat se jinkludi organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid ta’ għarfien, intrapriża privata, awtorità pubblika u organizzazzjoni tas-soċjetà, sabiex ikun żgurat li r-riċerka tiġi żviluppata u implimentata b’mod kollaborattiv mill-bidu nett.
Ispirata mill-Missjonijiet ta’ Horizon Europe – il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-iskema se tappoġġja proġetti li jindirizzaw oqsma bħalma huma l-adattament għat-tibdil fil-klima, bliet newtrali għall-klima u intelliġenti, il-kanċer, is-saħħa tal-ħamrija, u r-restawr tal-oċeani u tal-ilmijiet. L-inizjattiva tinkoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati Maltin jiżviluppaw soluzzjonijiet orjentati lejn il-missjonijiet li jirrispondu għal prijoritajiet nazzjonali filwaqt li jikkontribwixxu għal objettivi usa’ fil-livell tal-UE.
Għall-kuntrarju ta’ skemi tradizzjonali ta’ finanzjament tar-riċerka li jiffokaw primarjament fuq il-ġenerazzjoni tal-għarfien, il-Programm ta’ Riċerka Transdixxiplinari jagħmel enfasi qawwija fuq l-impatt. Il-proġetti appoġġjati huma mistennija li jikkombinaw attivitajiet ta’ riċerka, innovazzjoni, dimostrazzjoni u implimentazzjoni biex iwasslu riżultati prattiċi, inklużi inizjattivi pilota, soluzzjonijiet ta’ politika, teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet skalabbli.
Filwaqt li ddeskriva l-avveniment tal-lum bħala pass importanti ieħor fil-perkors tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ Malta, meta indirizza lill-parteċipanti, il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “Matul l-aħħar snin, Malta għamlet progress notevoli fil-qasam tal-innovazzjoni. Skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea 2025, Malta issa għandha punteġġ ta’ 95% tal-medja tal-Unjoni Ewropea u tikklassifika fit-12-il post fost l-Istati Membri kollha. Aktar importanti minn hekk, Malta tjiebet b’pass aktar mgħaġġel mill-medja Ewropea, u dan juri li pajjiżna qed isaħħaħ b’mod kostanti l-kapaċità tal-innovazzjoni tiegħu. Aħna wkoll fost l-aqwa prestaturi tal-Ewropa fid-diġitalizzazzjoni.”
Fl-għeluq tal-avveniment, il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri enfasizza l-ambizzjoni tal-programm li r-riċerka tissarraf f’impatt tanġibbli. Is-Sur Scerri qal li, “L-isfidi li qed tiffaċċja Malta huma opportunitajiet għall-innovazzjoni. Permezz tal-Programm ta’ Riċerka Transdixxiplinari, se nkunu qegħdin ngħinu lill-partijiet ikkonċernati jittrasformaw l-ideat f’soluzzjonijiet li jwasslu għal tkabbir ekonomiku, jattiraw l-investiment u jtejbu l-kwalità tal-ħajja.”
Huwa stqarr li filwaqt li Malta bniet pedament b’saħħtu fl-ixprunar tar-riċerka, l-istadju tal-innovazzjoni li jmiss jeħtieġ konnessjonijiet aktar b’saħħithom bejn ir-riċerka, l-implimentazzjoni u l-impatt fuq is-soċjetà. Huwa enfasizza fuq il-mudell ta’ konsorzju tat-TRP bħala mezz biex jitlaqqgħu flimkien l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-riċerkaturi biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet li huma xjentifikament b’saħħithom, operazzjonalment fattibbli, soċjalment rilevanti u allinjati kemm mal-prijoritajiet nazzjonali kif ukoll ma’ dawk tal-UE.
Is-sottomissjonijiet taħt il-Programm ta’ Riċerka Transdixxiplinari jistgħu jsiru sas-6 ta’ Awwissu 2026. Għal aktar informazzjoni, inklużi l-kriterji ta’ eliġibbiltà u d-dettalji tal-applikazzjoni, għandu jsir kuntatt mat-Taqsima tal-Programm Qafas fuq [email protected].

