Sunday, January 5, 2025

X’kellhom xi jgħidu l-esperti Ġermaniżi dwar il-baqar f’pajjiżna?

Żewġ Ġermaniżi esperti fit-tqarwiż u l-ġurija se jiġġudikaw mal-50 baqra fl-AgriFair

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mal-50 baqra se jkunu qegħdin jiġu ġġidukati minn żewġ professjonisti Ġermaniżi li nġiebu apposta biex jiġġudikaw dawn il-baqar. Dan is-sit żar il-post u tkellem maż-żewġ Ġermaniżi fejn fost l-oħrajn staqsejniehom x’se jkunu qegħdin ifittxu l-iżjed fil-baqar li se jkunu qegħdin jitmexxew quddiemhom u x’jaħsbu dwar il-merħliet tagħna.

“Hawn baqar li jistgħu jagħmluha f’wirjiet fuq livell akbar”

Erik Buescherhoff

Erik Buescherhoff qalilna li jħossu onrat li jinsab f’pajjiżna biex jgħin f’din il-wirja. Huwa qal li għalih hija esperjenza sabiħa li jgħin fit-tqarwiż u preparamenti oħra ta’ dawn il-baqar biex il-wirja tilħaq l-ogħla livell possibbli. Mistoqsi dwar x’jaħseb mil-livell tal-baqar li għandna f’pajjiżna, meta tqis iċ-ċokon tagħna bħala pajjiż, Buescherhoff qalilna li hemm baqar li jistgħu jagħmluha f’kompetizzjoniijiet ferm akbar fl-Ewropa.

Qalilna li l-fatt li aħna pajjiż żgħir hija sfida akbar biex tagħżel l-aħjar. Spjega li ovjament hemm oħrajn li mhumiex daqstant ta’ livell, imma fl-istess waqt qalilna li r-raħħala Maltin huma dħulin immens u ħa pjaċir ħafna jarahom jgħinhom lil xulxin.

“Nittama li bil-pariri li se nagħtuhom, ikunu kapaċi jagħżlu aħjar għall-wirja li jmiss”

NICOLAS PROPPER

Minn naħa tiegħu Nicolas Propper qalilna li għalih din kienet l-ewwel darba f’Malta u li ma jaf xejn dwar il-pajjiż. Huwa qal li se jkunu qegħdin jiġġudikaw il-bhejjem bl-aħjar mod li jistgħu fejn fost l-oħrajn se jkunu qegħdin jagħtu prijorità lil sider il-baqra. Propper spjega li aktar kemm is-sider ikun tawwali u l-bżieżel ikunu kif sippost, aktar hemm ċans li l-baqra tintgħażel fost l-aqwa.

Spjegalna li b’tawwali jifhem li n-naħa ta’ quddiem tiegħu jkun kemm jista’ jkun lejn lejn iż-żokra tal-baqra u jibqa’ ħiereġ mqabbeż minn wara saqajha. Huwa faħħar il-livell tal-wirja, iżda qalilna li jħares ’il quddiem biex bil-pariri li se jagħtu lir-raħħala, dawn jagħżlu l-baqar tagħhom aħjar għall-wirja li jmiss.

Ekonomija

Sport