Il-kura u l-benesseri tal-anzjani tagħna, li tant taw lil pajjiżna, hija ta’ prijorità. F’ħidma kontinwa, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Joe Etienne Abela, ħabbar li għaddej xogħol rinovar fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva fil-Ħamrun u dan bil-għan li l-anzjani li jattendu fih ikunu f’ambjent aktar attraenti u komdi. Xogħlijiet oħra li saru wkoll huma dawk fiċ-Ċentru tal-istess tip, din id-darba f’Bormla, fejn l-għan ewlieni huwa li dan il-post ikun aċċessibli u adattat biex jintuża bħala Ċentru għall-Anzjanità Attiva.
Il-Ministru Abela ta dettalji fir-rigward għal mistoqsijiet parlamentari li sarulu mid-deputat tal-Oppożizzoni, Paula Mifsud Bonnici, fejn elenka x-xogħol estensiv ta’ rinovar f’dak tal-Ħamrun. “Dan ix-xogħol kien jikkonsisti fi kmamar tal-banju ġodda, titjib tas-sistemi tad-dawl u l-ilma, tibjid, tibdil ta’ suffett, kif ukoll tbiddel il-madum taċ-ċentru u tbajdet il-faċċata, inbidlet l-għamara kollha inkluż imwejjed u siġġijiet, ġiet installata smoke detector u reverse osmosis u nbidel l-apparat elettroniku biex ikun aktar modern”.
Min-naħa tiegħu huwa ppreċiża li l-iskop ta’ dan ix-xogħol huwa li dan iċ-ċentru jkun aktar sabiħ u komdu għall-anzjani li joqogħdu f’dawn l-inħawi u li jattendu dan iċ-Ċentru.
L-ispiża għal dan ix-xogħol kienet ta’ madwar €35,000. Il-Ministru Abela qal li parti l-kbira tax-xogħlijiet saru mill-ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Fl-istess ħin, huwa ħabbar li, “hemm ippjanat li ċentri oħra madwar Malta ssirilhom xogħlijiet simili skont il-bżonn sabiex dawn iċ-ċentri dejjem ikunu aktar attraenti u komdi għall-anzjani”.
Rigward dak ta’ Bormla, il-Ministru Abela ħabbar li nstab post alternattiv għaċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ Bormla. “Il-post identifikat huwa ċ-Ċentru Parrokkjali Sagra Familja, fi Triq Wiġi Rosato, Bormla. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għamlet ix-xogħlijiet li kien hemm bżonn biex il-post ikun aċċessibbli u addattat ħalli jintuża bħala Ċentru għall-Anzjanità Attiva. Huwa mistenni li dan iċ-ċentru jiftaħ fil-ġimgħat li ġejjin,” temm b’nota pożittiva l-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.