Tuesday, April 23, 2024

X’PAJJIZ NIXTIEQU NĦALLU LIL ULIEDNA?

Aqra wkoll

It-tminn snin ta’ gvern Laburista kienu kkaraterizzati minn ħidma  biex nixprunaw l-ekonomija ta’ pajjiżna u nistimulaw lil min irid jaħdem u jikber filwaqt li nibqgħu inħarsu l-prinċipju tar-ruħ soċjali. Fuq kollox, il-gvern stinka biex ikun hemm bidla fil-ħsieb ta’ kif inħarsu lejn Malta u kif nindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, soċjali, infrastutturali, ambjentali u kulturali ta’ pajjiżna. 

Għal dan il-għan kull baġit imħabbar tul dawn l-aħħar tminn snin kienu ispirati minn dan il-ħsieb u introduċew proposti u inizjattivi mmirati biex jgħinu liż-żgħir, ikabbru l-faxxa medja, isaħħu u jiddiversifikaw l-ekonomija, iħarsu l-ambjent, jagħtu lil pajjiżna infrastruttura mill-aqwa u fuq kollox, ifasslu l-Malta t’għada. 

Sena ilu, bit-tema ‘Maltin b’Saħħitna ’l Quddiem’, l-gvern ppreżenta budget li jibqa’ mfakkar bħala l-aqwa wieħed fl-istorja tal-pajjiżna b’€50 miljun immirati biex jonqsu n-nies fil-faxxa tal-faqar jew f’riskju tagħha, b’titjib taċ-children’s allowance b’nefqa addizzjonali ta’ €3 miljun lil 40,000 familja u ż-żieda fil-pensjonijiet. 

Dak li ġie ppreżentat fil-budget tal 2021 ħoloq pedament sod għal dak li huwa mistenni fil-budget li ser ikun imħabbar fil-11 ta’ Ottubru. Tassew, il-budget għal 2022 huwa l-pass li jmiss li ser iżomm iċ-ċittadin fiċ-ċentru tat-tfassil tiegħu u ser jirrifletti is-sentiment espress mill-gvern Laburista fil-pjan ekonomiku mħabbar fil-ġimgħat li għaddew għal għaxar snin li ġejjin u fil-mitt idea. 

Tassew d-dokument ta’ qabel il-Baġit ppreżentat mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana nhar it-Tlieta li għadda għandu l-għan li jfassal l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna. Mhix koinċidenza li t-tema tal-konsultazzjoni għall-Bagit għas-sena 2022, ddur mal-mistoqsija “X’Pajjiż Tixtieq Tħalli lil Uliedek?”

“Dan ser ikun baġit li verament ikompli jsaħħaħ il-futur ta’ pajjiżna permezz ta inċentivi u miżuri konkreti, ċari u li verament se jagħmlu differenza f’ħajjet in-nies u li verament ser ifasslu l-Malta t’għada.” 

Kif tenna l-Ministru tal-Finanzi, dan il-baġit għandu l-għan li “nwittu t-triq mill-ġdid biex nerġgħu nsaħħu l-finanzi tal-pajjiż sabiex il-pajjiż, kif kien b’saħħtu qabel il-pandemija, jerga’ jkun f’pożizzjoni li jista’ jilqa’ u jiflaħ għall-isfida li jmiss.” Dan ser isir mingħajr ma jiżdiedu ebda taxxa żejda, u bi prijoritatjiet li jirriflettu l-aspettattivi tan-nies.

L-enfasi tal-Baġit li jmiss mhuwiex it-tkabbir ekonomiku, iżda l-iżvilupp ekonomiku, li jinkorpora kwalità tal-ħajja aħjar, qasam soċjali aħjar, u ambjent aħjar għall-pajjiż kollu. Ghal dan il-ghan, il-Baġit se jkollu miri għall-impatt soċjali fuq dawk l-iktar vulnerabbli, bl-għan li jkompli jnaqqas in-numru ta’ nies fil-periklu tal-faqar, b’mod partikolari l-pensjonanti li hu previst li se jiżdiedu għal darb’oħra. 

Is-sentiment li dan kien ser ikun budget pożittiv b’ruħ soċjali kien diġà inħass b’miżuri mħabbra f’dawn l-aħħar ġimgħat fosthom, in-“New Hope Guarantee”, l-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kera u l-Elettriku kif ukoll iż-żewġ strateġiji nazzjonali dwar persuni b’diżabilità għas-snin 2021-2030, l-Istrateġija Nazzjonali tal-Awtiżmu u l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Nemmen li dan ser ikun budget li għandu risposta ċara għat-tema tal-konsultazzjoni għall-Budget għas-sena 2022. Kif qal tajjeb il-ministru, “Dan il-pajjiż tana ħafna. Huwa d-dover tagħna li nagħtu kemm nifilħu lura għal għada, għal pitgħada u għal uliedna.” Tassew, dan ser ikun baġit li verament ikompli jsaħħaħ il-futur ta’ pajjiżna permezz ta’ inċentivi u miżuri konkreti, ċari u li verament ser jagħmlu differenza f’ħajjet in-nies u li verament ser ifasslu l-Malta t’għada. Fuq kollox, dan huwa baġit li jibqa’ jikkonferma li l-Partit Laburista huwa l-għażla naturali għal Maltin u l-Għawdxin kollha fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Sport