Sunday, December 22, 2024

X’PASSI GĦANDNA NIEĦDU BIEX JONQOS IT-TRAFFIKU?

Aqra wkoll

Il-bidu ta’ sena skolastika ġdida jġib miegħu sitwazzjoni ta’ żieda fit-traffiku fit-toroq Maltin. Din l-esperjenza, li ngħaddu minnha sena wara l-oħra, twassal biex fil-ħinijiet ta’ filgħodu u anke waranofsinhar ikun hemm influss qawwi ta’ karozzi, l-aktar f’żoni fejn hemm l-iskejjel.

Dan kollu jwassalna biex nirriflettu aktar jekk hux kulħadd qiegħed jagħti sehmu bis-serjetà biex jonqos il-volum tat-traffiku. Il-mistoqsija hi jekk il-mezzi alternattivi ta’ trasport humiex qed jilħqu lil kulħadd, jew inkella t-trasport pubbliku huwiex attrezzat biżżejjed biex jilqa’ għall-volum kbir ta’ passiġġieri li jużawh.

Huwa ta’ sodisfazzjon ninnutaw li fl-aħħar xhur kien żdied l-għadd ta’ dawk li jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku. Dan huwa servizz li sar b’xejn għal kulħadd kważi sena ilu u f’dan ir-rigward nemmnu li qiegħed iħalli l-frott mixtieq. Madanakollu xorta waħda għad baqa’ xi jsir biex jonqos it-traffiku mit-toroq.

It-traffiku fl-aħħar mill-aħħar huwa aħna lkoll li nużaw il-karozzi privati tagħna ta’ kuljum. It-traffiku għalhekk irridu narawh f’kuntest aktar wiesa’. Huwa proprju għalhekk li matul ix-xhur li għaddew saru ħafna sforzi biex jitlestew xogħlijiet f’toroq u arterji prinċipali li minnhom jgħaddu eluf ta’ karozzi matul il-jum.

Insemmu fost oħrajn il-proġett tal-Junction tal-Marsa, ta’ Ħal Luqa u dak biswit l-Ajruport, sa toroq li saru prattikament mill-ġdid u żoni pedonali ġodda li nfetħu qabel inbdiet is-sena skolastika ġdida. Qed nirreferu għal żoni li huma kruċjali għal konnettività. Dan kollu biex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar.

Il-Gvern offra wkoll is-servizz ta’ trasport bla ħlas għat-tfal tal-iskejjel kollha. Madankollu, sal-lum jidher li 30% biss tal-ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom b’dan is-servizz. Naqblu perfettament mal-Ministru Aaron Farrugia li qal li jixtieq jara li dan in-numru jiżdied.

Sadanittant, l-uffiċjali ta’ Transport Malta u l-Forzi tal-Ordni se jkunu wkoll stazzjonati fit-toroq tagħna biex jassistu b’kull mod possibbli. Irridu għalhekk kull wieħed u waħda minna nagħmlu l-parti tagħna biex jonqos it-traffiku u fejn possibbli naħsbu ftit qabel.

Dawn huma passi li għalkemm jidhru li huma żgħar, iħallu riżultati pożittivi fl-andament tat-traffiku. Fuq kollox għandu jkun hemm aktar viġilanza fit-toroq biex jiġu evitati inċidenti jew diżgrazzji.

Ekonomija

Sport