Sunday, December 22, 2024

X’SE ĠĠIB MAGĦHA S-SENA 2024?

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sena 2023, li se tintemm għada mat-tokki ta’ nofsillejl, nistgħu ngħidu li kienet waħda kkaratterizzata minn diversi ġrajjiet li wħud minnhom żgur mhux forsi se jibqgħu mnaqqxa bi swied il-qalb fl-istorja tal-umanità. Mill-gwerra fl-Ukrajna li kompliet għaddejja anke matul din is-sena, sal-kunflitt fil-Lvant Nofsani li ħalla għexieren ta’ eluf ta’ persuni mejta – l-aktar nisa u tfal. 

Matul it-12-il xahar li għaddew id-dinja kienet iddominata minn inflazzjoni qawwija li wasslet għal tbatija bla bżonn fuq bosta familji. Dan kollu kien rifless ukoll f’diversi pajjiżi li l-Gvernijiet tagħhom kellu jirrikorru għal miżuri ta’ awsterità li qanqlu disturb soċjali u protesti fit-toroq kontra dawn il-miżuri ekonomiċi. 

Pajjiżna mhux l-inqas, iżda intlaqat ukoll mill-flaġell tal-inflazzjoni li wasslet għal prezzijiet għoljin li tefgħu piż kbir fuq il-livell tal-għajxien ta’ diversi setturi tal-popolazzjoni. U f’dan il-kuntest, allaħares il-Gvern Laburista ma ħax miżuri biex jissussidja prinċipalment il-prezzijiet tal-enerġija u ċ-ċereali għaliex kieku l-piż kien ikun ferm itqal speċjalment għal dawk il-familji bl-inqas dħul. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, bir-raġun kollu nistaqsu x’se ġġib magħha s-sena l-ġdida, partikolarment jekk jibqgħu jikkonsistu l-kunflitt fil-Lvant Nofsani u l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Il-passat mera tal-futur għalkemm dan ma joffri l-ebda garanzija. Iżda l-ekonomija ta’ pajjiżna matul din is-sena li waslet biex tintemm, baqgħet reżiljenti u għaldaqstant aħna fiduċjużi li fis-sena li ġejja din ir-reżiljenza se tkompli u minnha jgawdu kemm il-familji u anke n-negozji.

Is-sena d-dieħla se tkun karatterizzata mill-ħatra ta’ President ta’ Malta u żewġ elezzjonijiet f’pajjiżna, dik għall-Parlament Ewropew u l-oħra għall-Kunsilli Lokali. Tal-aħħar se tkun speċjali billi għall-ewwel darba fl-istorja politika ta’ pajjiżna żgħażagħ minn 16-il sena ‘l fuq se jkunu jistgħu jokkupaw il-kariga ta’ Sindku u Viċi Sindku jekk jingħataw il-fiduċja mill-elettorat. Dan l-iżvilupp, flimkien ma’ oħrajn ta’ drittijiet ċivili, poġġa lil Malta bħala l-ewwel stat membru tal-Unjoni Ewropea fejn seta’ jsir dan. 

Dan għandu jkompli jnissel aktar fiduċja fin-nies li x-xhur li ġejjin ikunu aħjar minn dawk li għaddew. Dan huwa rifless ukoll fi stħarriġ li kien sar ftit ilu mill-Ewrobarometru li wera li 90% tal-Maltin huma sodisfatti bil-ħajja li qed jgħixu u għaldaqstant jittamaw li ħajjithom li se titjieb matul is-sena d-dieħla.

Ekonomija

Sport