Monday, May 13, 2024

Premier League Ingliż: Liverpool v Newcastle l-aqwa konfront

Aqra wkoll

L-ewwel ġurnata tat-tieni round li taħbat l-20 waħda tal-Premier League Ingliż se tara l-aħħar logħba tal- programm li huwa mif­rux fuq erbat ijiem li hija dik bejn West Ham u Brighton li nhar il-Ħamis kisbu rebħiet importanti.

Iżda fl-ewwel ġurnata tas-sena l-ġdida se ssir dik li tidher li hija l-aqwa logħba fost l-10 li fiha l-leaders Li­verpool se jilqgħu f’Anfield lil Newcastle, li wara bidu nkoraġġanti jidhru li nqatgħu sew mit-taqtiegħa għal post fiċ-Champions League meta jinsabu tmien punti wara Manchester City li anke lagħbu logħba inqas minnhom.

Liverpool ġejjin minn erba’ rebħiet u żewġ draws waqt li l-Magpies rebħu żewġ logħbiet u tilfu l-erbgħa l-oħra – rekord kuntrastuż għall-aħħar li tpoġġi lill-manager Eddie Howe fil-periklu li jitlef postu.

Ix-xahar id-dieħel ir-Reds se jitilfu lil Mohamed Salah li se jingħaqad mal-Eġittu fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani … kif ukoll lill-Ġappuniż, Endo Wataru, li se jilgħab fit-Tazza Asjatika. 

Għalhekk il-punti li jistgħu jirbħu qabel ma jmorru se jkunu ferm importanti fl-aspirazzjonijiet tagħhom.

Min-naħa ta’ Newcastle huma qed igawdu erba’ punti fuq it-tliet timijiet ta’ warajhom li jfisser li din il-ġimgħa se jibqgħu jżommu d-disa’ post anke jekk jo­ħorġu telliefa.

It-team fit-tieni post, Ar­senal, li l-Ħamis fallew iċ-ċans li jitilgħu fil-quċċata, ħadu skoss lura meta tilfu 2-0 f’darhom fid-derby ta’ Londra kontra West Ham. 

Għada għandhom derby ieħor ta’ Londra meta jmorru fi Craven Cottage biex jiltaqgħu ma’ Fulham li tilfu l-aħħar tliet logħbiet u issa niżlu jokkupaw it-13-il post.

Min-naħa tal-Gunners hu­­ma jridu joqogħdu attenti minn xi żelqa oħra jekk iridu jkomplu jagħtu sfida għar- rebħ tat-titlu li ilhom ma jir­b­ħuh 20 sena meta kellhom lil Arsene Wenger bħala manager.

L-ewwel logħba tal-lum tara lil Luton Town f’Kenilworth Road kontra Chelsea b’dawn iridu joqogħdu attenti meta l-Hatters qed jagħtu logħba diffiċli lil kull avversarju bħal ma kien il-każ kontra Liverpool u Manchester City biex insemmu tnejn biss.

Il-Blues kellhom jitħabtu biex għelbu lil Crystal Pa­­-  la­ce 2-1 nhar l-Erbgħa tant li l-goal tar-rebħa wasal fl-aħħar minuta minn penalty u dan meta kienu qed jilagħbu fi Stamford Bridge.

Iżda ta’ min jgħid li min­kejja l-miljuni kbar li nefqu, il-kwalitá tal-players li għandhom mhijiex l-istess bħal ta’ ftit staġuni ilu.

Aston Villa, li jinsabu fit-tielet post, fallew iċ-ċans li jitilgħu jaqsmu l-quċċata meta wara li fetħu vantaġġ ta’ 2-0 kontra Manchester United, raw dan il-vantaġġ jisfuma fix-xejn meta r-Red Devils skorjaw tliet darbiet li kienu jfissru tliet punti li rawhom jirxoxtaw l-istaġun tagħhom.

Il-Villa se jkunu f’darhom kontra Burnley f’logħba li huma favoriti li fiha jirritornaw għar-rebħ meta issa joqogħdu attenti minn xi żelqa oħra. Il-Clarets jinsabu qabel tal-aħħar ħames punti bogħod mis-salvazzjoni.

Żewġ timijiet li ġejjin minn telfa, Crystal Palace u Brentford, se jiltaqgħu f’Selhurst Park meta jinsabu punt wara l-Bees li għandhom logħba inqas minnhom biż-żewġ timijiet fil-bżonn tal-punti.

Iċ-champions Manchester City, li qabel jew wara l-logħba se jduru mal-ground bil-FIFA World Club Cup biex juruha lill-partitarji li huma ċ-champions il- ġodda tad-dinja, meta se jilqgħu lit-team tal-qiegħ, Sheffield United, li jidhru destinati li jirritornaw fiċ- Championship wara staġun wieħed.

Wolves, li ġejjin minn żewġ rebħiet fuq Chelsea u Brentford, se jkunu f’Molineux biex jiltaqgħu kontra Everton li sofrew żewġ tel­fiet wara li kisbu erba’ reb­ħiet waqt li min-naħa tagħ­hom Wolves, li jinsabu fil-11-il post, jippruvaw jagħ­mlu l-ewwel double tagħhom dan l-istaġun.

L-aħħar logħba tal-lum hija bejn Nottm Forest u Manchester United b’tal-ewwel ġejjin mir-rebħa 3-2 għand Newcastle fl-ewwel rebħa wara telfa tal-manager il-ġdid tagħhom, Nuno Espirito Santo, li seħħet b’hat-trick mill-Kiwi, Chris Wood, li Newcastle neħħew fis-sajf.

Min-naħa tal-United, hu­ma żgur li jridu jkomplu fuq ix-xogħol tajjeb li għamlu kontra Aston Villa biex ikomplu jisfidaw għal post fiċ-Champions League fost inċertezzi fuq il-futur tal-club.

Logħba oħra għal għada wara nofsinhar hija dik bejn Tottenham u Bournemouth fejn tal-ewwel ġejjin minn telfa wara tliet rebħiet waqt li ċ-Cherries kisbu ħames rebħiet u draw.

Spurs jinsabu punt wara r-raba’ team waqt li Bournemouth qegħdin f’pożizzjoni trankwilla f’nofs il-klassifika.

Fil-logħba tat-Tlieta, West Ham ikunu fil-London Stadium kontra Brighton, meta t-tnejn kisbu rebħiet impressjonanti kontra l-ġirien ta’ Londra, Arsenal (2-0) u Tottenham (4-2). Għalhekk rebħa għal xi ħadd minnhom tarahom jersqu iktar ‘il fuq fil-klassifika.

Sport