Tuesday, December 24, 2024

Xufier mixli li kellu d-droga f’karozza u f’garaxx

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 22 sena minn Santa Venera qed jinżamm taħt arrest wara li tressaq fil-Qorti dwar sejba ta’ droga f’karozza u f’garaxx.

Cliven Mallia, li meta mistoqsi x’jaħdem wieġeb ‘cab driver’, ġie mixli li fil-5 ta’ Mejju kellu fil-pussess tiegħu l-kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinietx għall-użu esklussiv tiegħu. L-Ispettur Jonathan Cassar, li investiga l-każ, spjega lill-Maġistrat Joe Mifsud kif il-Pulizija rċeviet informazzjoni li setgħet kienet qed tiġi ittraffikata d-droga minn ġo garaxx f’Ħal Balzan.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga u anke ġibdet filmati taż-żagħżugħ ħiereġ mill-garaxx b’karozza. Fil-jum imsemmi dan ġie segwit sakemm il-pulizija qabduh ma’ persuna oħra f’karozza li fiha nstabu madwar 10 grammi kannabis.

Tfittxija fil-garaxx wasslet għas-sejba ta’ madwar 750 gramma oħra ta’ kannabis. Il-pulizija sabu wkoll €3,000 fi flus kontanti, b’Mallia wieġeb mhux ħati u permezz tal-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia talab għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Cassar oġġezzjona għax sostna li hemm tliet persuni pajżana li jridu jixhdu: il-persuna li kienet miegħu, sid il-karozza u sid il-garaxx. Kien għal din ir-raġuni li l-Maġistrat Mifsud ċaħadlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest u b’hekk baqa’ miżmum f’ċella tal-Qorti sakemm jgħaddi l-perjodu ta’ kwarantina mbagħad jittieħed il-Ħabs.

Ekonomija

Sport