Żagħżugħ ta’ 27 sena minn Ħ’Attard jinsab fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll tal-karozza f’Ħ’Attard.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.15 am fi Triq Oliver Agius meta ż-żagħżugħ għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-karozza Renault Clio li kien qed isuq u baqa’ dieħel f’ħajt.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei għal aktar assistenza medika fejn aktar tard ġie ċċertifikat qed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.