Żagħżugħ iddaħħal l-Isptar wara li tard ilbieraħ filgħaxija kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina (bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ) f’Ħaż-Żebbuġ.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Renault Megan misjuqa minn żagħżugħ ta’ 22 sena u Toyota Dyna misjuq minn żagħżugħ ta’ 25 sena residenti Ħaż-Żebbuġ ukoll.
Fir-Renault, kien hemm ukoll żewġ passiġġieri, ġuvni ta’ 19-il sena residenti ż-Żurrieq u tfajla ta’ 18-il sena residenti Ħaż-Żebbuġ.

Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni ċivili li għenu biex iż-żagħżugħ seta’ jinħareġ mill-karozza.
Fil-post issejjaħ ukoll tim mediku li assista liż-żagħżugħ tal-ewwel karozza huwa sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar permezz ta’ ambulanza li ssejħet fuq il-post. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ta’ natura gravi.

It-triq fid-direzzjoni lejn ir-Rabat kellha tingħalaq għat-traffiku għal xi sigħat sakemm il-Pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ dan l-inċident.