Madwar 31,000 suldat Ukren inqatlu fit-territorji okkupati mill-bidu tal-invażjoni Russa fuq l-Ukrajna sentejn ilu. Is-sena 2024, hija l-ewwel darba f’aktar minn sena li l-President Ukren Volodymyr Zelensky żvela n-numru ta’ mwiet militari.
Volodymyr Zelensky zvela dan meta kien qed jitkellem f’konferenza stampa f’Kiev waqt il-forum Ukrajna. Dan juri li l-għadd ta’ 300,000 jew 150,000 imwiet militari m’huwiex dak li jgħidu Putin u ċ-ċirku tiegħu. Minkejja dan iżda il-mewt ta’ 31,000 suldat hija telfa kbira għall-Ukrajna.
Zelensky iżda ma żvelax in-numru ta’ suldati midruba jew neqsin għax skont hu dan jgħin fl-ippjanar militari Russu.
L-għadd tal-imwiet li semma l-president Ukren ma ġiex ivverifikat b’mod indipendenti madankollu, huwa inqas fin-numru mill-aqwa suppożizzjonijiet ta’ l-Amerikani li poġġew l-għadd ta’ suldati Ukreni maqtula qrib is-70,000. Uffiċjali oħra tal-Pentagon ikkwotaw iċ-ċfra ta’ 120,000.
L-istess uffiċjali qalu wkoll li l-għadd ta’ suldati Russi li mietu matul il-kunflitt huwa 120,000, numru 1ferm inqas mill-180,000 maqtula li qal Zelensky fil-konferenza.
Ħadd ma jaf kemm suldati Russi inqatlu imma analisti jsostnu li hemm sa 500,000 suldati Russi li huma midruba jew neqsin.
L-aħħar darba li l-Ukrajna żvelat it-telf militari tagħha kien fl-aħħar tal-2022 meta l-assistent presidenzjali Mykhailo Podolyak qal li 13,000 suldat Ukren kienu mietu mindu bdiet il-gwerra fl-24 ta’ Frar, 2022.
Il-fatalitajiet huma suġġett sensittiv f’pajjiż li qed jipprova jagħti spinta lir-rekluti militari wara li l-kontro-offensiva tiegħu s-sena l-oħra naqset milli tbatti lir-Russi.
Ir-Russja ma tat ebda tagħrif dwar kemm mietu mis-suldati tagħha. Iż-żewġ pajjiżi qalu f’diversi okkażjonijiet li t-telf tal-avversarji tagħhom huwa sostanzjali.
L-Ukrajna tgħid li ma tistax tagħti ċifra preċiża dwar it-telf tagħha peress li għad m’għandhiex aċċess għal dik l-informazzjoni.
Dak li għandha ċifri fuqhom, madankollu, huma l-attakki tar-Russja fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa tagħha, li inevitabbilment jaffettwa għadd kbir ta’ nies ċivili.
F’xeni simili għal dawk li ġraw fil-gwerra f’Gaza, kien hemm mill-inqas 1,300 attakk fuq faċilitajiet mediċi u ambulanzi – medja ta’ tnejn kuljum – minn mindu beda l-kunflitt.
Data turi 699 attakk li wasslu għall-qerda ta’ sptarijiet u kliniki; 75 affettwaw sptarijiet tat-tfal u 54 affettwaw faċilitajiet tas-saħħa tan-nisa.