Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-investigaturi kixfu aktar minn 400 reat tal-gwerra f’żoni ta’ Kherson abbandunati mill-Forzi Russi wara li dawn irtiraw. Huwa qal ukoll li nstabu l-katavri ta’ nies ċivili u anke suldati.
Is-sit BBC iżda qal li ma setax jivverifika dawn l-allegazzjonijiet, b’Moska tiċħad li t-truppi tagħha intenzjonalment kellhom fil-mira tagħhom liċ-ċittadini. Sadanittant, l-awtoritajiet Ukreni imponew curfew matul il-lejl u anke restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar minn u lejn Kherson.
“Fir-reġjun ta’ Kherson, l-armata Russa ħalliet warajha l-istess atroċitajiet bħal f’reġjuni oħra ta’ pajjiżna, fejn setgħet tidħol,” qal Zelensky fl-indirizz tiegħu. “Se nsibu u nressqu quddiem il-ġustizzja kwalunkwe qatiel. Bla dubju.”
Mill-bidu tal-gwerra, instabu oqbra tal-massa f’żoni fosthom Bucha, Izyum u Mariupol. L-Ukrajna akkużat lit-truppi Russi li kienu wara l-atroċitajiet.
Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti x-xahar li għadda qalet li kienu saru delitti tal-gwerra fl-Ukrajna u li l-forzi Russi kienu responsabbli għall-“maġġoranza kbira” tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-bidu tal-invażjoni.