Emnuni ddejjaqt sal-pont ta’ mnieħri, li kull min ikellimna minn barra, irid jagħtina lezzjoni, u aħna ta’ gwejdin irridu noqogħdu nisimgħu u nixtarru . Il-ġurnali Maltin mal-ewwel jagħtu raġun lil barrani. Agħar minn meta konna legalment kolonja. Telqu l-Ingliżi u faqqsu ħafna u ħafna oħrajn flokhom. Kulħadd jgħallimna, kulħadd iċanfarna, kulħadd irid jgħidilna kif għandna nimxu. Jonqosna biss li bħat-trabi li jkun telqu jimxu, jagħmlulna r-riedni tal-ġild minn wara daharna.
Zelensky ma kienx eċċezzjoni. Ġie biex imaqdarna u jindaħlilna x’għandna nagħmlu u ma nagħmlux. X’jimpurtah li aħna suppost li pajjiż indipendenti u newtrali. U li nżommu ekwidistanti mis-superpotenzi.
Darba kien hemm Avukat Ġenerali li kien ta parir lil Dr Fenech Adami li dak l-artiklu spiċċa għax kien baqa’ biss superpotenza waħda. Kemm kien bravi Borg Barthet. Illum hawn tlett superpotenzi, u waħda minn hija r-Russja li Borg Barthet u Fenech Adami kienu ħasbu li sparixxiet.
U l-ġurnali Maltin, il-perċimes it-Times of Malta, fil-kitba riedet turi li la Zelensky maqdar lill-gvern, allura Zelensky bravu u għandu raġun. Jien ngħid li hu bravu. Meta kellu dahru mal-ħajt ferm qabel il-gwerra u l-media Ewropea kienu qed jikxfu l-iskandli tiegħu u ta’ martu, ħareġ li ried jidħol fl-Unjoni Ewropea u anke fin-NATO. Il-ġurnali tal-Punent mal-ewwel qisuh ħabib tagħhom, tawh assoluzzjoni, u intesew id-dnubiet kollha li kienu jsemmulu.
U imbagħad jiġi hawn u jagħtina lezzjoni ta’ kif għandu jitmexxa pajjiż!!
Mhux aħjar qabel nistiednu lil xi ħadd, minflok naħsbu li għandna media event u spettaklu, inqisu kollox, inkluża l-Kostituzzjoni tagħna, jekk għandna nemmnu fiha u ma sirniex kolonja.
Inċident ieħor huwa dwar kawża li spiċċat bi ftehim fl-Irlanda fejn Irlandiż ingħata somma kibra minħabba inċident tat-traffiku li ġara hawn Malta. Ma kienx hemm sentenza tal-Qorti Irlandiża, imma kien hemm ftehim bejn l-insurance u l-individwu. L-Avukat tal-imweġġa’ għamel attakk bla sens fuq Malta. Dan huwa sempliċement avukat u ma għandu l-ebda awtorità superjuri. Il-kritika tiegħu spiċċat fuq il-ġurnali bħala tmaqdir lejn l-Istat Malti u qrajna kif ċertu ġurnali ġabu b’‘għoġba kbira l-kliem vojt tal-avukat.
Sa hawn wasalna.
Imma mbagħad hemm oħrajn li ktibt ħafna dwarhom. U dawn huma l-professuri mustaċċuni tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Fost ħafna pariri li taw kienet fuq l-għażla tal-President li jrid ikun b’żewġ terzi tal-parlament, għax inkella jibqa’ dak li jkun hemm. S’issa għadha ma ġratx, imma immaġinaw li meta Dr George Vella jagħlaq il-ħames snin ma jkunx hemm qbil, u allura Dr Vella jkollu jibqa’ sakemm isibu ieħor.
Tgħiduli fejn sejjer b’rasek. Fejn mort b’ilsieni tafu għax ktibt fuq li ktibt fuq id-difetti tal-pariri tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Imma kien ħela ta’ rieq u leħen jgħajjat fid-deżert tas-Sahara, mhux f’Malta.
Tgħiduli ma tarax li dan ma jiġrix.
Diġa ġara u kif. Mela kien hemm Ombudsman, magħżul għal 5 snin, li għalqulu f’Marzu, ta’ sena ilu. Biex isir ieħor floku jrid ikun hemm qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati u jivvutaw b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.
Ilu sena li skada, u xorta għadu hemm, inklużi l-konsulenti li għażel hu, insomma l-partiti ma qablux u allura iż-żewġ terzi ma hemmx.
Sirt naf li kien hemm diskussjonijiet u ġie mressaq isem ta’ Prim Imħallef li kien aċċetta minn kulħadd meta sar Prim Imħallef, anke mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kariga importanti ħafna dik, imma kulħadd kien jaf li ma jħarisx lejn l-ilwien. Inħoloq Bernard Grech u oppona għalih.
Dan hu l-istess Bernard Grech li kontra ta’ dak li sar dejjem that gvernijiet Nazzjonalisti, jippretendi li jindaħal hu ħalli jagħżel l-Ispeaker. Sewwa sar li qatgħulu l-għatx bil-perżut.
Flok l-istituzzjonijiet jsiru aktar demokratiċi se jkun hawn staġnar! Il-ġurnali, la l-bsaten fir-roti qed jagħmilhom Bernard Grech u sħabu, mhux se jlissnu kelma u jagħtu raġun lill-gvern. Naturalment mhux se jagħtu tort lil Bernard Grech.
Kontra dak li għedt fuq l-istedina lill-barranin, naħseb wasal il-waqt li nistiednu l-kummissjoni ta’ Venezja u tgħidilna kif nistgħu noħorġu minn basal bħal dawn? Dawn pinġew stampa sabiħa qisha Venezja, imma mbagħad insew li kultant ikun hemm bżonn gondola biex ma tibqax imwaħħal f’post wieħed. Il-gondola nsewha.