Saturday, May 4, 2024

Żewġ għalliema b’inizjattiva biex jgħinuk tgħaddi l-ħin u fl-istess waqt titgħallem affarijiet ġodda

Aqra wkoll

Żewġ għalliema, Maria Laura Fenech u Ryan Caruana ddeċidew li joħolqu grupp biex ma jħallux daż-żmien jiddemoralizzana żżejjed.

Huma flimkien ma’ numru mdaqqas ta’ ħbieb, qed iżommu appuntament regolari biex joħolqu u jieħdu sehem f’għadd ta’ kwiżis. Tant intlaqgħu tajjeb li issa ddeċidew li jinkludu lill-pubbliku b’mod inġenerali.

Kulma tridu tagħmlu hu li tagħfsu fuq il-ħolqa (link) li se jkunu qed jibagħtu fil-grupp, tirreġistraw u tipparteċipaw bla ħlas. Ħafna mill-kwiżis se jkunu jikkonsistu minn mistoqsijiet fuq: Tagħrif Ġenerali, Arti u Kultura, Ġeografija, Sports, Storja u anke fuq il-lingwa Maltija.

Filwaqt li dawn se jkunu indirizzati l-aktar għaż-żgħażagħ u l-adulti, it-tfal jistgħu jieħdu sehem ukoll bil-għajnuna tal-kustodji tagħhom. Il-pubbliku huwa ġentilment mitlub jgħaddi l-ideat tiegħu lil amministraturi ta’ dan il-grupp.

Bejn wieħed u ieħor, il-kwiżis jinkludu 40 mistoqsija u kulħadd se jkun qed jilgħab kontra xulxin f’ħin partikolari li se jiġi mħabbar qabel. Min iwieġeb tajjeb jingħata l-punti u hemm ukoll punti addizzjonali għal min iwieġeb fl-iqsar ħin possibbli. Fl-aħħar nett kulħadd ikun jista’ jara f’liema pożizzjoni ġie fil-klassifika. Il-kwiżis idumu bejn 15-20 minuta. Mexxu l-kelma ħalli aktar nies jisimgħu bih u jkunu jistgħu jissieħbu wkoll.

Ħajr speċjali lil Fabio Scicluna tad-disinji.

Għal aktar tagħrif żur:

https://www.facebook.com/corokwizz/

Sport