Żewġ ġuvintur ġew arrestati wara li nstabu fil-pussess ta’ droga waqt li kienu f’vettura taħt tinda fil-Buskett. Fi stqarrija maħruġa l-Pulizija qalet li għall-ħabta tal-11:00 p.m żewġ uffiċjali tal-komunità avviċinaw vettura tal-għamla BMW li kienet ipparkjata taħt din it-tinda.
Minħabba suspett fl-imsemmija vettura, l-uffiċjali talbu lill-ġuvintur biex joħorġu mill-vettura u minn tfittxija li għamlu sabu ammont ta’ droga kannabis u boroż żgħar tal-plastik.
Minn aktar investigazjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi, fil-pussess ta’ wieħed mill-persuni nstabet aktar droga.
Aktar tard saret tfittxija fir-residenzi taż-żewġ persuni fejn il-pulizija elevaw xi oġġetti allegatament relatati mal-abbuż tad-droga.
Iż-żewġ ġuvintur nżammu arrestati, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, flimkien ma’ inkjesta Maġistrajali għadhom għaddejjin.