Tuesday, May 14, 2024

Tkarrab biex iżommuh ħaj minkejja li kien jaf li kellu jitlef nofs ġismu u id minnhom

Koppja fl-Amerika jaqsmu l-esperjenzi tagħhom wara inċident serju fl-2019

Aqra wkoll

Xi drabi ssib min jisħet xortih minħabba xi ġrieħi permanenti li jsofri f’xi inċident, filwaqt li oħrajn jħossuhom xxurtjati li minkejja d-diżabbilitajiet tagħhom jistgħu jibqgħu jgawdu lil dawk li jħobbu.

Loern Schauers ta’ 20 sena minn Montana fl-Istati Uniti kien involut f’inċident serju f’Settembru tal-2019 u minkejja li kien jaf li kien sofra ġrieħi serji, beda jitlob bil-ħniena lit-tobba u lil qrabatu biex iżommuh ħaj.

Huwa kien qiegħed jaħdem b’forklifter meta biex iħalli spazju lit-traffiku spiċċa waqa’ minn pont madwar 50 pied għoli. Barra minn hekk, il-forklifter spiċċa waqa’ fuqu u għaffiġlu idu u l-parti t’isfel ta’ ġismu.

Fl-età ta’ 18-il sena u mimli ħajja, ommu spiċċat responsabbli tad-deċiżjoni jekk tħallix lil binha jistrieħ u tibqa’ bil-kuxjenza li kienet hi li temmitlu ħajtu jew li binha jkun operat, jitlef nofs ġismu u jqum jisħitha li kienet ħallietu jgħix.

Minkejja kollox oħt Loern insistiet li kellu jkun hu li jieħu d-deċiżjoni u għalhekk ġie deċiż li jitneħħielu l-pajp tan-nifs bit-tama li hu jiġi f’sensih u jikkomunika x-xewqa tiegħu.

Martu Sabia ta’ 23 sena bdiet kont fuq il-midja soċjali li permezz tiegħu taqsam mal-pubbliku l-esperjenzi tagħhom minkejja diversi sfidi li jaffaċċjaw bħala koppja. Miljuni ta’ segwaċi jsegwu l-ħajja tagħhom, iżda mhux l-ewwel darba li l-mara spiċċat titkellem dwar trolls li staqsew dwar il-ħajja sesswali tal-koppja.

Il-mara wieġbet li huwa diżrispett kbir li jkun hemm min jistaqsi mistoqsija daqshekk personali u li temmen li ħadd m’għandu dritt jistaqsi ċertu mistoqsijiet li jistgħu jweġġgħu daqstant is-sentimenti ta’ koppji f’ċirkostanzi serji bħal dawn. 

Sport